Lokali

Dalgħodu ingħatat l-aħħar tislima lil Shaun Coppola

Dalgħodu, il-komunità ta’ Ħal Qormi u dawk qrib tagħha ngħaqdu fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ biex jagħtu l-aħħar tislima lil Shaun Coppola – raġel ta’ 35 sena, magħruf għas-sempliċità tiegħu, il-personalità ferriħija u l-imħabba li kellu għall-muturi.

Shaun tilef ħajtu nhar it-Tlieta 27 ta’ Mejju, fil-bypass ta’ San Pawl l-baħar, waqt li kien qed isuq il-mutur tiegħu.

Il-funeral tiegħu kien xhieda ta’ kemm kien maħbub. Folla kbira ta’ nies ħonqu l-Knisja; qraba, ħbieb, kollegi u membri mill-komunità tal-muturi – kollha attendew biex juru rispett, solidarjetà u mħabba. Wara l-funeral, korteo funebri għadda mit-toroq ta’ Ħal Qormi – b’mumenti emozzjonanti hekk kif diversi residenti ħarġu biex jagħtu l-aħħar tislima filwaqt li corteo ta’ muturi. Il-katavru ġie mbagħad midfun fil-qabar tal-familja, f’ċerimonja privata għall familjari.

Fuq il-midja soċjali bosta kienu dawk li qasmu memorji, ritratti u messaġġi ta’ rispett lejn Coppola. Ħafna esprimew is-soghba tagħhom u saħqu kemm seħibhom kien magħruf għall-enerġija tajba tiegħu, l-għajnuna li kien jagħti lil kulħadd.