DIN HI L-ITTRA PASTORALI PUBBLIKATA MILL-ISQFIJIET TA’ PAJJIŻNA
F’pajjiżna, bħalissa, għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar l-hekk imsejħa ‘Ewtanasja Volontarja Assistita’. Fil-White Paper, ippubblikata mill-Gvern, qed jiġi propost li persuna li tkun għalqet it-18-il sena u li tkun tbati minn marda terminali, u li t-tobba jagħtuha sitt xhur ħajja jew inqas, tkun tista’ toqtol lilha nnifisha bl-assistenza ta’ professjonisti mediċi fl-isptar jew id-dar.
Nixtiequ nistidnuk biex tiżen sew u tara xi tfisser dak li tgħid il-White Paper għall-futur tiegħek u tal-maħbubin tiegħek, biex inti tkun f’pożizzjoni li tagħti l-opinjoni tiegħek fil-proċess ta’ konsultazzjoni.
Kull ħajja umana hi għażiża
Dak li qed jiġi propost hu, fil-fatt, suwiċidju assistit, jiġifieri li xi ħadd ikollu l-għajnuna neċessarja biex ineħħi ħajtu billi jieħu dak li l-White Paper issejjaħ “mediċina”, ipprovduta mis-servizz tas-saħħa nazzjonali. Dan ifisser li biex imut, il-pazjent stess irid jieħu d-doża li toqtlu.
Dawk li qed jipproponu l-White Paper qed jisħqu li l-proċess fih diversi “salvagwardji” li jillimitaw min jista’ jirċievi din it-taħlita li toqtol, kif ukoll jipproteġi kontra li qraba jew terzi jisfurzaw lill-pazjenti jirċevuha. Issa aħna nafu, mill-esperjenza ta’ diversi pajjiżi oħra, li maż-żmien kollox imur għan-niżla — dawn is-salvagwardji jispiċċaw, u jiżdiedu dawk li jtemmu ħajjithom.
Il-ħajja tibda ssir piż flok don, u d-dmir mediku li jieħu ħsieb il-ħajja jista’ jsir ukoll dmir li toqtol. Id-dritt li toqtol lilek innifsek jaf isir id-dmir li toqtol lilek innifsek. Imma rridu ngħidu wkoll li bis-salvagwardji kollha proposti — u salvagwardji qatt ma huma ħielsa mill-abbuż — il-qtil ta’ persuna waħda jibqa’ qtil. Għalina kull ħajja umana hi għażiża u prezzjuża. Ħadd ma għandu jħossu li ma jiswa għalxejn. Min qed jaħseb
biex itemm ħajtu ma għandux isib mill-Istat assistenza biex jagħmel suwiċidju, imma assistenza biex jgħix b’dinjità, imdawwar bi mħabba u b’għożża. Il-kmandament ta’ Alla “la toqtolx”, li hu prinċipju mnaqqax f’qalbna u fil-qalba tas-soċjetà tagħna, jibqa’ dejjem jiggwidana f’ħajjitna.
Ma jkun qatt li aħna nkunu kompliċi fil-qtil.
Huma ħafna t-tobba li jagħrfu r-responsabbiltà li għandhom li jgħixu b’fedeltà l-wegħda li għamlu li jsalvaw il-ħajja, mhux jgħinu fil-qtil tagħha. Bħala Knisja, aħna nagħrfu li din il-ħidma kostanti tagħna favur il-ħajja hi kontribut siewi li qed nagħtu għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju f’Malta,
li kienet ippubblikata mill-Gvern ftit ġimgħat ilu. Din hi strateġija li titlob konsistenza.
Il-White Paper, bil-proposta ta’ suwiċidju assistit f’każijiet partikulari, timmina din l-Istrateġija hekk importanti. Il-ħidma tagħna trid tkun dejjem favur ir-rispett u l-ħarsien tal-ħajja ta’ kull bniedem.
“Falliment tal-imħabba”
Nixtiequ nfakkru l-kliem ċar tal-Papa Franġisku, meta spjega li l-ewtanasja “hi falliment tal-imħabba, mera ta’ ‘kultura tal-iskart’ li fiha ‘l-persuna m’għadniex inħossuha bħala valur primarju li għandna nirrispettawh u nieħdu ħsiebu’ (enċiklika Fratelli Tutti, 18).
Tabilħaqq, l-ewtanasja hi spiss ippreżentata b’mod qarrieqi bħala għamla ta’ kompassjoni. Imma l-‘kompassjoni’, kelma li tfisser ‘tbati ma’’, ma tinvolvix it-temma intenzjonata ta’ ħajja, imma pjuttost ir-rieda li wieħed jaqsam fit-toqol ta’ dawk li qed jaffaċċjaw l-aħħar stadji tal-pellegrinaġġ tagħhom fuq din l-art”. (Messaġġ lill-Parteċipanti fis-Simposju Internazzjonali dwar il-Kura Paljattiva, Toronto, 21-23 ta’
Mejju 2024).
L-aqwa kura possibbli
L-appell tagħna hu biex l-isforzi kollha tagħna jkunu indirizzati mhux f’li nipprovdu opportunità ta’ suwiċidju assistit imma f’direzzjoni oħra: li tissaħħaħ, bl-investiment kollu neċessarju, il-kura palljattiva għal dawk kollha li jeħtiġuha — nenfasizzaw li għal kollha — biex ikollna l-aqwa kura possibbli sal-aħħar mumenti tal-ħajja.
Ilkoll nafu li baqa’ ħafna xi jsir f’dan il-qasam. Għalhekk, nappoġġjaw b’mod sħiħ l-impenji mniżżla fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura Palljattiva f’Malta li l-Gvern ħareġ ftit ilu.
X’inhi l-kura palljattiva?
Hi kura ħolistika li tnaqqas ħafna t-tbatija. Mhijiex biss kura medika li ttaffi l-uġigħ, imma wkoll sapport psikoloġiku, soċjali u spiritwali. Hi għamla ġenwina ta’ kompassjoni.
Fi kliem il-Papa Franġisku: “Il-kura palljattiva, waqt li tipprova ttaffi kemm hu possibbli t-toqol tal-uġigħ, hija fuq kollox sinjal konkret ta’ qrubija u solidarjetà ma’ ħutna li qed ibatu. Fl-istess waqt, din l-għamla ta’ kura tista’ tgħin il-pazjenti u l-għeżież tagħhom jaċċettaw il-vulnerabilità, il-fraġilità u l-limitazzjonijiet li jimmarkaw il-ħajja tal-bniedem fuq din l-art.”
F’dan is-sens, huwa f’waqtu l-użu ta’ mediċini biex itaffu t-tbatijiet tal-persuni f’qagħda kritika, u li jiġu amministrati mhux bil-ħsieb li tingħata l-mewt, imma biex itaffu l-uġigħ, ukoll jekk bħala konsegwenza t-tul tal-ħajja jiqsar. Il-pazjent għandu dritt li jirrifjuta trattament mediku straordinarju u ma jaċċettax trattament sproporzjonat li jikkaġuna tbatija insopportabbli u li ma joffrix tama. Dan id-dritt qatt m’għandu jiġi mrażżan.
Viċinanza u appoġġ
Irridu nuru kompassjoni ma’ dawk li għaddejjin minn tbatija minħabba l-mard tagħhom, u speċjalment ma’ dawk li riesqa lejn it-tmiem ta’ ħajjithom. Fina lkoll dawn għandhom isibu empatija, viċinanza, għożża kbira, appoġġ u l-kura palljattiva neċessarja. Hawn min, meta jkun wasal fi stat kritiku u dipendenti, jibda jħossu piż fuq il-qraba jew fuq oħrajn qrib tiegħu. Jgħidlek: “ma rridx insallab lil ta’ madwari”. Hawn min jibda jħoss id-dmir li ħajtu tiġi fi tmiem għax qed ibati jew tilef is-sens tal-ħajja u x-xewqa li jkompli jgħix.
Lil dawn in-nies irridu nakkumpanjawhom bi mħabba, qatt ma nabbandunawhom, u
nagħtuhom kull għajnuna li jeħtieġu fil-qagħda diffiċli li jinsabu fiha. Qatt ma għandna b’xi mod inġagħluhom iħossu li jkun aħjar jekk itemmu ħajjithom.
Madanakollu, jekk din il-White Paper issir liġi, min se jipproteġi l-persuni vulnerabbli minn pressjoni minn barra, jew milli jħossuhom ta’ piż fuq il-familja?
Apprezzament
Nixtiequ nuru l-apprezzament kbir tagħna għal tant familji li jieħdu ħsieb persuni b’mard terminali, għall-ħidma prezzjuża ta’ Hospice Malta — St Michael Hospice huwa dawl ta’ tama fis-soċjetà Maltija — u ta’ ħafna professjonisti u nies oħra li qed jaħdmu f’dan il-qasam fl-isptarijiet u d-djar ta’ kura. Nitolbu għalihom biex ikomplu jżommu dejjem b’impenn kbir il-ħarsien tal-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Nitolbu biex ilkoll inkunu dejjem ta’ servizz għal min għaddej minn tbatija, bħalma għallimna Ġesù, ta’
qalb ħelwa u umli.
Ejjew noqtlu l-uġigħ, mhux il-ħajja. Ejjew nuru kompassjoni u għożża sal-aħħar.
//= $special ?>