Lokali Qorti

Ħatja li qatlet il-klieb u beżżat lit-tifel ta’ eks-sieħba

Lourdes Schembri ta’ 41 sena mil-Għargħur instabet ħatja li qatlet żewġt iklieb u weġġgħet ieħor. Hi nstabet ħatja wkoll li tat fastidju u kkaġunat biża’ lill-ex sieħba tagħha u lit-tifel tal-ex sieħba li kellu 10 snin bejn l-2015 u l-2017.

Fil-Qorti instema kif  it-tifel tant kien jibża’ mill-akkużat li kien jippreferi jiekol l-ikel tal-klieb milli jitlobha x’jiekol.

Meta evalwat kollox il-Qorti qalet li minkejja li l-imputata ċaħdet li sawtet lill-klieb, hija konvinta mix-xhieda tat-tifel. Il-Qorti qieset ukoll li dak iż-żmien l-imputata kellha vizzju tad-droga u li llum ħadmet fuqha nnifisha u għelbet il-vizzju.

Minkejja dan, il-Qorti, qalet li ma tistax tinjora l-fatt li r-reati li għamlet kienu serji ħafna u li minħabba fihom l-omm u l-iben sofrew konsegwenzi li jaf immarkawhom għal ħajjithom.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, sabitha ħatja għall-akkużi kollha miġjubin kontriha, u tatha 30 xahar ħabs u multa ta’ €15,000. Ma’ dan ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-omm u l-iben għal tliet snin.