SAN ĠILJAN MAA DAIKIN…….. 4
NEPTUNES BEST GYMS…………. 8
(0-1), (2-3), (2-3), (0-1)
Finalment l-aħjar tim fil-ġurnata rebaħ. Neptunes rebħu l-iSportMalta Cup għall-ewwel darba mat-tieni attentat. Ir-rebħa f’dan il-konfront uriet li bl-inklużjoni tal-Ungeriż Gergo Zalanki u r-ritorn ta’ Alec Fenech, it-tim ta’ Neptunes jista’ jkollu sajf pożittiv. Wieħed irid jara x’se jkun il-futur ta’ Jake Muscat.
Is-suċċess fil-persentaġġ ta’ man-ups għal San Ġiljan seta’ kien detrimentali għat-tim ta’ Giorgios Katsaounis hekk kif minn disa’ okkażjonijiet, skorjaw tlieta biss. Fuq in-naħa l-oħra, Neptunes skorjaw darba minn erba’ opportunitajiet ta’ superjorità numerika.
It-telfa għal San Ġiljan f’dan il-mument tista’ sservi ta’ lezzjoni biex jaħdmu aktar ħalli jirritornaw fuq it-tron tal-waterpolo lokali. L-Awstraljan Aaron Younger għandu jgħin biex il-Ġiljaniżi jgħollu l-livell u jkollhom prestazzjonijiet konsistenti.
Neptunes meritatament ħadu l-vantaġġ fl-ewwel sessjoni hekk kif iddefendew b’għaqal filwaqt li l-avversarji ma kinux preċiżi quddiem il-lasta ta’ Matthew Castillo. L-uniku gowl skorjat wasal minn Jake Bajada li sab ix-xibka b’azzjoni personali.
San Ġiljan żiedu ftit aktar l-intensità fit-tieni sessjoni iżda Neptunes xorta baqgħu kompatti u saħansitra żiedu l-vantaġġ. Sam Gialanze skorja doppjetta u wieġeb għal ġmiel ta’ gowl minn Ben Plumpton. San Ġiljan naqqsu d-distakk minn man-up veloċi u skorjat minn Jeremy Abela iżda ż-żagħżugħ Julian Valletta żied il-vantaġġ għal 4-2 b’xutt preċiż għar-rokna.
Fit-tielet sessjoni, Neptunes kellhom erba’ gowls vantaġġ għall-ewwel darba fil-partita. Stevie Camilleri u Sam Gialanze skorjaw fl-ewwel parti tas-sessjoni iżda r-risposta Ġiljaniża qatgħet id-distakk min-nofs b’żewġ gowls skorjati minn man-up. Kien il-captain Stevie Camilleri li eżatt mat-tmiem is-sessjoni kabbar il-vantaġġ għal 7-4 b’gowl minn azzjoni ta’ superjorità numerika.
Ir-reazzjoni fl-aħħar sessjoni minn San Ġiljan ma waslitx u Neptunes setgħu jikkontrollaw il-logħba aħjar. Il-gowl minn penalty ta’ Sam Gialanze skorjat madwar tliet minuti mit-tmiem qata’ t-tamiet ta’ San Ġiljan li jirkupraw. Wara l-logħba, iċ-chairman ta’ SportMalta Matthew Pisani akkumpanjat mill-President tal-ASA Karl Izzo, ippreżentaw it-trofew lill-captain ta’ Neptunes Stevie Camilleri.
San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja, D. Tully, G. Bonavia, R. Caruana, M. Zammit, J. Bonavia, B. Plumpton (1), J. Abela (2), N. Zammit, D. Zammit (1), N. Schiavone, Z. Attard, N. Bonavia
Neptunes: M. Castillo, E. Mallia, S. Gialanze (4), L. Mallia, J. Camilleri, J. Valletta (1), S. Camilleri (2), M. Castillo, S. Mifsud, J. Bajada (1), A. Fava, M. Azzopardi, M. Rossi, M. Lanzon
Referees: Ronnie Spiteri, Stefan Licari
//= $special ?>