Qorti

Il-prosekuzzjoni tagħlaq il-każ, id-difiża tibda tirrispondi

Il-proċess ġudizzjarju dwar l-assassinji tal-avukat Carmel Chircop u tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia daħal f’fażi kruċjali hekk kif il-prosekuzzjoni temmet l-indirizz tagħha lill-ġurati u bdiet il-kontroreplika mid-difiża.

L-Avukat mill-Prossekuzzjoni Anthony Vella, fit-tielet Jum tal-indirizz tiegħu lill-ġurati, saħaq fuq diversi punti kruċjali fil-każ kontra l-erba’ akkużati. F’referenza għall-qtil ta’ Carmel Chircop, enfasizza li l-vittma ġie sparat sitt tiri — “Romblu sħiħ” — u dan juri l-intenzjoni ċara li jinqatel.

Vella sostna li x-xhieda ta’ Vince Muscat hija kredibbli u tikkorrispondi perfettament mal-provi forensiċi u l-fatti dokumentati. Fosthom, il-laqgħa li saret f’cafeteria bejn Chircop u Robert Agius dwar dejn pendenti — laqgħa li l-istess Vince Muscat semma fix-xhieda tiegħu.

L-arma użata kienet revolver b’disinn tal-fidda — dettall ieħor li jaqbel max-xhieda ta’ Muscat. Il-pożizzjoni tal-feriti turi li s-sparaturi saru minn isfel għal fuq, waqt li Jamie Vella, skont ix-xhieda,kien hu li kellu l-“guts” biex jispara fuq Carmel f’Toyota Ractis. Skont il-prosekuzzjoni, kollox jikkorrispondi mal-filmati tas-CCTV: karozza tidħol fir-rampa fis-6:05am b’visor imniżżel u toħroġ fis-6:57am — l-unika vettura li dehret f’dak il-ħin, eżatt kif irrakkonta Vince Muscat.

Fir-rigward ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Avukat Vella fakkar kif il-FBI ikkonfermat li George Degiorgio kien bagħat il-messaġġ fuq is-SIM card tal-bomba sabiex din tkun attivata. Il-frammenti li nstabu fuq il-post kienu tal-aluminju, u dan ġie ikkonfermat m’xiedha ta’ dak li qal Vince Muscat dwar it-tip ta’ bomba użata. L-Europol fir-rapport tagħha irrappurtat ukoll li l-akkużati kienu krew karozza Peugeot tal-istess għamla li kellha Daphne sabiex jipprattikaw kif se jitpoġġa l-apparat esplussiv taħt is-seat tas-sewwieq.

Vella saħaq l-punt kif wkoll bosta oġġetti bħall — garages, armi, karozzi, u anke dgħajjes — kienu qegħdin jintużaw mill-akkużati iżda ma kien hemm xejn f’isimhom legalment. Saħansitra, Jamie Vella kien jgħix f’dar li mhix tiegħu, fejn eventwalment ġie arrestat wara l-qtil ta’ Chircop.

Il-prosekuzzjoni kkonkludiet billi ddikjarat li huma “moralment konvinti” li l-erba’ akkużati huma ħatja taż-żewġ delitti. L-avukat Vella fakkar lill-ġurati li għandhom jiffukaw fuq il-provi u mhux fuq id-dikjarazzjonijiet vaghi ta’ difiża. Il-ġuri, li beda fit-24 t’April, issa daħal fl-aħħar ġimgħat tiegħu wara ħames ġimgħat ta’ smigħ kontinwu.

Kontro Replika ta’ Difiża

Alfred Abela, l-avukat ta’ Robert Agius, beda l-kontroreplika b’attakk dirett fuq il-prosekuzzjoni, li sejħilha bħala ħafna argumenti ta’ “gideb”. Huwa qal li l-unika prova vera hija dik tar-riżultat, u mhux dak li ntqal minn terzi persuni.

Dr Abela saħaq li m’hemmx prova li Robert Agius kien preżenti meta nxtgħelet il-bomba li qatlet lil Daphne. Huwa semma wkoll kif, meta ġie arrestat fit-4 ta’ Diċembru 2017, l-assistent kummisarju Keith Arnaud qallu li dakinhar Robert kien għadda mill-Bidnija — imma dan m’hu provat b’xejn.

B’rabta mal-każ ta’ Chircop, l-avukat insista li l-motiv invokat mill-prosekuzzjoni — jiġifieri dejn li kellu ma’ Robert Agius — mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-qtil. Saħaq li l-prosekuzzjoni għamlet “suspensjoni loġika” u preżumiet il-ħtija minħabba li Agius kellu garage f’Ħaż-Żebbuġ.

Abela kompla billi għamel analoġija mal-mara tiegħu u qal li 15-il sena ilu jiftakar liema karozza ġew jiġbruhom biha għat tieġ, filwaqt li Vince Muscat ma setax jiftakar liem karozza kienet involuta fis-delitt tal-avukat Carmel Chircop.

Aktar aġġornamenti fil-ħin li ġej….