Futbol Sport

Illum il-finali tal-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Illum fid-9.00pm fil-Munich Football Arena fi Munich, tintlagħab il-finali tal-UEFA Champions League bejn iċ-champions ta’ Franza PSG u Inter.

Dan se jkun l-ewwel konfront bejn iż-żewġ timijiet fil-UEFA Champions League u t-tieni finali li se tkun qed tlaqqa’ tim Franċiż u tim Taljan. PSG qatt ma rebħu dan l-unur prestiġjuż u se jkunu qed jittammaw li jagħmlu dan kontra Inter biex b’hekk jirbħu wkoll it-treble dan l-istaġun wara li diġà rebħu l-kampjonat kif ukoll it-Tazza Franċiża. L-aħħar darba li telgħu fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni kien fl-2020 meta dakinhar f’Lisbona tilfu kontra Bayern Munich.

It-triq għall-finali għat-tim ta’ Luis Enrique ma kinitx daqshekk faċli hekk kif wara bidu inkonsistenti, irnexxielhom jirbħu l-aħħar tliet partiti biex temmew fil-15-il post. Fil-play-off mbagħad umiljaw lil Brest bi skor aggregate ta’ 10-0. Fil-fażi tal-aħħar 16 huma eliminaw lil Liverpool wara l-għoti tal-penalties biex mbagħad fil-kwartifinali eliminaw lil Aston Villa bi skor aggregate ta’ 5-4. Fis-semifinali eliminaw tim Ingliż ieħor meta għelbu lil Arsenal bi skor aggregate ta’ 3-1.

Inter minn naħa tagħhom għandhom aktar esperjenza f’din il-fażi tal-kompetizzjoni hekk kif rebħu dan l-unur tliet darbiet bl-aħħar darba li telgħu fil-finali kien fl-2023 meta dakinhar kienu tilfu kontra Manchester City. L-istaġun ta’ Inter kien wieħed pożittiv iżda xi ftit diżappuntanti hekk kif tilfu l-kampjonat fl-aħħar ġurnata għal spejjeż ta’ Napoli.

Fil-UEFA Champions League Inter kienu wieħed mill-aktar timijiet konsistenti hekk kif temmew fir-raba’ post u sofrew biss telfa waħda fil-League Phase. Fil-fażi tal-aħħar 16, it-tim ta’ Simone Inzaghi eliminaw b’mod faċli lil Feyenoord. Fil-kwartifinali eliminaw lil Bayern Munich 4-3 filwaqt li fis-semifinali huma għelbu lil Barcelona bi skor aggregate ta’ 7-6.