Opinjoni

OPINJONI: LE għall-isfruttament tal-ħaddiema

Għad hawn każijiet li mhux kull ħaddiem jitħallas l-istess għall-istess xogħol
Nemmen bis-sħiħ li l-mudell ekonomiku li l-Gvern għażel huwa propju mibni u msaħħaħ fuq il-prinċipju tal-massa u l-kwantità fuq il-kwalita. Dan fih innifsu huwa l-isfruttament

mid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg
Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali

Għal diversi drabi, inġibdet l-attenzjoni tal-Gvern fuq numru ta’ abbużi li qegħdin iseħħu fuq il-ħaddiema, b’mod partikolari fuq dawk barranin.

Liema huma dawn l-abbużi?

Għalkemm fil-bidu tas-sena kien hemm emendi fuq il-ligi ‘equal work, equal pay’, xorta għad hawn każijiet li mhux kull ħaddiem jitħallas l-istess għall-istess xogħol.

Ħaddiema li qed jingħataw kuntratt tax-xogħol, li fuq il-karta hemm numru ta’ kundizzjonijiet u ammont ta’ paga mod, imma fir-realtà hemm mod ieħor.

Ħaddiema li ma jingħatawx il-ktieb tax-xogħol, allura jaħdmu b’mod illegali.

Ħaddiema li mhux biss ingħataw paga minima b’differenza għal oħrajn li jingħataw il-paga differenti imma li ttieħed ‘commission’ fuq kull siegħa mill-agenżija u ma jingħatawx ‘allowances’, ‘bonus’ etċ.

Tiġdid tal-kuntratt, fejn il-ħaddiem barrani jrid iħallas ‘administrative fee’ u saħansitra jiġu mhedda li jkun deportat minn pajjiżna.

Għalkemm fid-dawl ta’ dan, il-Gvern Laburista qed jipprova jindirizza dawn l-abbuzi, nistqarr li donnu li l-Gvern qed ippromwovi l-kultura u l-mentalità ta’ sfruttament.

Għaliex?

Nemmen bis-sħiħ li l-mudell ekonomiku li l-Gvern għażel huwa propju mibni u msaħħaħ fuq il-prinċipju tal-massa u l-kwantità fuq il-kwalità. Dan fih innifsu huwa l-isfruttament. Aktar ma jkollok ħaddiema u tħaddem tnejn bil-paga ta’ wieħed, allura wieħed jista’ jagħmel il-‘profitt’. Dan huwa l-prinċipju ta’ ‘profitt qabel kollox u kulħadd’.

Donnu l-Gvern Laburista qed jaħdem bl-istess mod kif il-Farawni tal-Eġittu tal-qedem ħadmu. L-ekonomija tal-Farawni tal-Egittu l-antika kienet mibnija fuq l-isfruttament tal-iskjavi. Il-glorja tal-piramidi huma frott l-isfruttament ta’ dawn l-iskjavi.

Għalkemm ma nistax ngħaddi gudizzju storiku bil-mentalità tal-lum għal dak li seħħ mijiet ta’ sekli ilu, IMMA nista’ ngħid li dak li qed iseħħ illum ma’ diversi ħaddiema barranin fostna huma bħal donnhom skjavi bħalma kienu dawk tal-Eġittu!

F’dawn it-12-il sena, il-Gvern Laburista ma fetaħx niċċa ekonomika waħda li hija waħda, ħlief li ħeġġeġ iċ-‘cheap labour’. Għalkemm qiegħed nsemmi t-terminu ‘cheap labour’, ma jfissirx li dawn il-ħaddiema qiegħed ngħajjarhom ‘cheap’! Jekk hemm xi ħadd li hu ‘cheap’ huma dawk li jisfruttaw lil dawn il-persuni.

Dawn il-persuni, li xi wħud huma veru responsabbli, ħabbrieka u ta’ eżempju għal ħaddiema oħra, ġew fostna bit-tama ta’ ħajja aħjar. Ħafna minnhom jagħmlu sagrifiċċji kbar mhux biss għaliex jinsabu ’l bogħod mill-għeżież familjari, uliedhom jew il-‘partners’ tagħhom IMMA għaliex diversi drabi d-dħul li huma jdaħħlu, jgħadduħ lill-familji tagħhom ħalli jkunu jistgħu jgħixu f’pajjiżhom!

Dan qed iwassal li, biex huma jibagħtu għajnuna akbar lill-familja, jispiċċaw bilkemm ikollhom biex jgħixu ta’ nies. Allura dan qed iwassal għal faqar ġdid fostna. Diversi minnhom qegħdin jgħixu fil-faqar, fejn xi wħud jispiċċaw jieklu fis-‘soup kitchens’ li nfetħu dan l-aħħar!

Aħna responsabbli wkoll?

Imma mhux biżżejjed li nwaħħlu biss f’min iħaddem, tajjeb li nistaqsi jekk aħna wkoll hux qegħdin insibuha komda li nisfruttaw lil dawn il-ħaddiema?

Mistoqsija provokattiva imma tajjeb li nistaqsuha! Kieku dak li jwasslilna l-pizza jitħallas sew, allura l-pizza tkun tiswa aktar u dan ma rriduhx. Kieku dak il-‘waiter’ barrani jitħallas sew, kieku l-kont tar-restorant ikun ogħla! Għaldaqstant, aħna lkoll responsabbli ta’ dan l-isfruttament?

Dawk li jisfruttaw lil dawn il-ħaddiema jafu sew ukoll li dawn il-ħaddiema barranin joqogħdu għal kollox. Jafu li għalkemm id-dħul tagħhom hawn jista’ jkun baxx, imma dan id-dħul huwa ferm akbar milli dak li jistgħu jaqilgħu f’pajjiżhom.  

‘Take it or leave’ hija t-theddida li spiss issir lil dawn il-ħaddiema. Imma din it-theddida qed issir ukoll fuq ħaddiema Maltin ukoll. Mhux l-ewwel darba li ħaddiema Maltin meta jiġu biex jitolbu li jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol u paga aħjar, ir-risposta li jkollhom tkun ‘take it or leave’. Dan qed iwassal biex diversi ħaddiema Maltin ma jistgħux jimxu ’l quddiem karriera/xogħol tagħhom.  

Fl-aħħar nett, tajjeb li ngħid li hawn kumpaniji li huma serji u li jirrispettaw lill-ħaddiema tagħhom. Hawn ‘employers’ li għalihom il-ħaddiema barranin saru parti mill-familja tagħhom u fi żmien il-COVID-19 raw kif għamlu biex tawhom sostenn u appoġġ. Allura mhux sew li nitfgħu lil kulħadd f’basket wieħed. Nemmen bis-sħiħ li ma nistgħux nagħtu riħ lil min biex jagħmel profitti akbar, jabbuża mill-ħaddiema.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 31 ta’ Mejju, 2025.