Lokali

Pumpiera jsalvaw tifla ta’ sentejn li waqgħet f’bir f’Ħal Qormi

Is-Sibt għall-ħabta ta’ nofsinhar, ħaddiema mill-Protezzjoni Ċivili salvaw tifla ta’ sentejn li waqgħet fil-bir tad-dar, u lil missiera li niżel biex isalvaha.

Il-każ seħħ fi Triq San Benedittu f’Ħal Qormi. Jidher illi t-tifla kienet qed tilgħab fuq il-bokka mgħottija, mingħajr ħadd ma kien jaf li hemm bir. Mbad deher illi l-għatu sfronda u baqgħet nieżla għal isfel tliet sulari, b’missierha jaqbeż warajha biex isalvaha.

Għal dan is-salvataġġ intużaw ħbula u teknika apposta biex isalvaw lit-tifla u l-missier. L-operazzjoni ta’ salvataġġ ħadet ftit iktar minn siegħa.

It-tifla u l-missier itellgħu qawwijin u sħaħ, iżda ttieħdu l-isptar għall-osservazzjoni b’xokk fuqhom.

Din il-familja Franċiża kienu qegħdin iqattgħu vaganza f’Malta flimkien.