Kuntrattur ta’ 42 sena, residenti l-Mosta ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Kevan Azzopardi wara li ammetta li fera u hedded lill-eks mara tiegħu u lis-sieħeb tagħha fil-Mosta stess. L-inċident seħħ nhar is-Sibt, 24 ta’ Mejju bejn id-9am u l-10am. fiil-Mosta stess, bil-koppja isofri minn ġrieħi ħfief.
Christopher John Farrugia ammetta wkoll li bl-atteġġament tiegħu ġiegħel lill-eks mara u lis-sieħeb tagħha, biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tagħhom. Dan wara argument bejn Farrugia u l-koppja nkwistjoni.
Farrugia ammetta wkoll li ħebb, inġurja u dejjaq lill-vittmi, li kiser il-buon ordni u l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Wara li ammetta, l-Maġistrat ta ftit tal-ħin ċans lil Farrugia biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, li kienet konfermata minnu fi ftit tal-ħin.
Meta saret it-tratazzjoni għall-piena kien hemm qbil bejn l-Avukat David Gatt li deher għal Farrugia u l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit, li piena karċerarja mhux waħda xierqa fiċ-ċirkostanzi. Dan minkejja li l-kondotta tal-ħati mhux waħda netta, lanqas hija waħda allarmanti.
Dan ukoll wara li l-Avukat Gatt qal lill-Qorti li dan kien inċident iżolat u li dan seħħ mhux minħabba l-eks mara tiegħu, imma minħabba terzi persuni. Il-Qorti qablet ma’ dan anke jekk qalet li dan bl-ebda mod ma jiskuża l-atteġġament ta’ Farrugia.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ Farrugia għall-perjodu ta’ tliet snin. Il-Qorti ordnat ukoll il-komunika ta’ din is-sentenza lill-Kummissarju tal-Pulizija.
//= $special ?>