Lokali

“Abela qed jidher aktar dgħajjef” – The Malta Independent

L-editorjal tal-Ħadd tal-gazzetta The Malta Independent wera kif is-suppost “tibdil” li għamel Robert Abela fil-Kabinett qed juri dgħufija fit-tmexxija tiegħu.

Dan hekk kif ir-reshuffle ġie deskritt bħala “eżerċizzju kożmetiku”, u wieħed li deher li sar biss biex juri li hemm taparsi bidla – mingħajr ma ndirizza l-problemi veri.

L-editorajl ifakkar kif kienet kważi deċiża li lil Byron Camilleri kellu joħodlu l-Ministeru tal-Intern. U l-kariga, minflok, kellha tingħata lil Owen Bonnici.

Iżda dan ma seħħx għaliex il-Prim Ministru qed jaħdem taħt pressjoni minn ġewwa l-partit tiegħu stess, u ma jidhirx kapaċi jieħu deċiżjonijiet b’saħħithom waħdu… Bl-editur jinsisti li l-bidliet li suppost kellhom iġeddu l-Kabinett, spiċċaw musical chairs aktar milli reshuffle ta’ vera.

Skont dan il-ġurnal, dak li seħħ din il-ġimgħa f’Kastilja juri li “l-Prim Ministru jinsab aktar iffukat fuq il-politika interna tal-partit, u qed jonqos milli jaġixxi b’konvinzjoni u awtorità.”

Fl-aħħar nett, l-Independent tisħaq li filwaqt li l-poplu qed jistenna tmexxija b’saħħitha, Abela jidher li qed jagħmel deċiżjonijiet ibbażati fuq pressjonijiet mill-qalba tal-partit u mhux fuq dak li l-pajjiż verament għandu bżonn. Bil-Prim Ministru joffri biss kompromessi u konfużjoni.