Stewart Said
VK NOVI BEOGRAD…….. 11
FERENCVAROS………….. 13
(3-3), (2-2), (3-5), (3-3)
Għat-tieni staġun konsekuttiv u għat-tielet darba fl-istorja tagħhom, Ferencvaros huma ċ-Champions tal-Ewropa tal-Waterpolo. F’dik li kienet ir-raba’ finali għalihom fl-aħħar sitt snin, fissret li FTC-Telekom saru l-ewwel tim Ungeriż li rebaħ il-kompetizzjoni sentejn fuq xulxin. Diżappunt għal Novi Beograd hekk kif tilfu t-tielet finali tagħhom fl-aħħar erba’ snin.
Il-partita kienet denja ta’ finali biż-żewġ timijiet iwieġbu lil xulxin u kien mument wieħed fil-logħba li kien determinanti meta tim skorja aktar minn żewġ gowls konsekuttivi, b’Ferencvaros li skorjaw erba’ gowls wara xulxin fit-tielet sessjoni. Fatt interessanti kien li 13 mill-24 gowl skorjati waslu minn sitwazzjoni ta’ superjorità numerika, biż-żewġ timijiet jiskorjaw kważi nofs l-okkażjonijiet ta’ man-ups.
Fost il-ħafna prestazzjonijiet tajbin, wieħed ma jistax ma jirrimarkax il-preċiżjoni u l-kwalità li wrew Nikola Lukic għal Novi Beograd u Krisztian Manhercz għal Ferencvaros li bejniethom skorjaw nofs il-gowls tal-logħba. Partita wkoll tajba għal Soma Vogel, gowlkiper ta’ Ferencvaros li spikka f’mumenti importanti.
L-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni kienet karatterizzata minn kompattezza miż-żewġ naħat u gowlkipers attenti fil-lasti rispettivi. Mal-ewwel gowl skorjat minn Krisztian Manhercz minn man-up, il-kumplament tas-sessjoni daret aktar f’botta u risposta. Nikola Lukic għamel ħafna ħsara minn position 1 u rnexxielu jiskorja tliet darbiet mill-istess zona tal-pitch. Gergo Fekete u Dusan Mandic wieġbu f’żewġ okkażjonijiet għal Ferencvaros.
L-Ungeriżi rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ darbtejn fit-tieni sessjoni iżda wara l-gowls ta’ Manhercz u Edoardo di Somma, wieġbu Lukic u Dimitrios Skoumpakis, it-tnejn minn man-up. L-andament tal-logħba baqa’ l-istess, b’differenza minima bejniethom għalkemm Ferencvaros dehru ftit aħjar.
Lukic kompla jispikka għal Novi Beograd b’doppjetta li żammet lis-Serbi 7-6 iżda fit-tieni parti tat-tielet sessjoni seħħet l-iżvolta tal-logħba. Manhercz skorja doppjetta minn man-ups u flimkien ma’ gowls oħra ta’ Fekete u Szilard Jansik dawwar ir-riżultat għal 10-7 favur Ferencvaros. Madankollu azzjoni personali mill-isbaħ mis-centre ta’ Miroslav Perkovic lejn tmiem is-sessjoni, żammet lil Novi Beograd b’ċans għall-aħħar sessjoni.
Is-Serbi kienu kostretti jiġru wara l-avversarji hekk kif Ferencvaros kabbru d-distakk għal tliet gowls f’żewġ okkażjonijiet. Il-gowl ta’ Manhercz b’nofs sessjoni għat-tmiem għamel l-iskor 13-10 u għamilha prattikament diffiċli għal Novi Beograd biex jirkupraw.
Fi tmiem il-logħba, kif mistenni ferħ mill-plejers u staff tekniku ta’ Ferencvaros flimkien mal-partitarji tagħhom. Wara li saret il-preżentazzjoni lil Zodiac CNAB Barceloneta rebbieħa tal-midalja tal-bronż u lil Novi Beograd bħala finalisti, intlaħaq il-qofol bil-preżentazzjoni lil Ferencvaros bħala ċ-Champions tal-Ewropa għal staġun ieħor.
Il-preżentazzjoni tat-trofew lir-rebbieħa saret mill-President tal-European Aquatics António José Silva u l-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima lill-captain Soma Vogel.
VK Novi Beograd: M. Glusac, B. Gbadamassi, D. Skoumpakis (1), V. Martinovic (2), M. Cuk, L. Gladovic, D. Vucinic, M. Dimitrijevic, M. Perkovic (1), A. Vlahopoulos (1), N. Lukic (6), D. Trtovic, F. De Michelis
Ferencvaros: D. Szakonyi, D. Mandic (1), K. Manhercz (6), A. Nagy, M. Vamos (1), E. Di Somma (1), G. Fekete (2), S. Argyropoulos (1), T. Nemet, V. Vigvari, S. Jansik (1), M. De Toro, S. Vogel
Referees: Georgios Stavridis (Greċja), Raffaele Colombo (Italja)
BARCELONETA………… 19
CN MARSEILLE…………. 9
(6-2), (4-1), (6-4), (3-2)
It-tielet post hu probabbli l-mira minima li kellhom Zodiac CNAB jew aħjar Barceloneta kif inhuma magħrufa. Fis-semifinali kienu sfortunati li ma kkontestawx il-finali iżda f’din il-logħba kkonfermaw il-potenzjal tagħhom hekk kif ġabu fix-xejn lil CN Marseille. Din hi l-ħames darba li Barceloneta spiċċaw fit-tielet post f’din il-kompetizzjoni.
Bidu b’saħħtu għat-tim Spanjol li minn kmieni bena vantaġġ doppju permezz ta’ Alvaro Granados. Romain Marion-Vernoux naqqas id-distakk b’gowl li ġie kkonvalidat b’konsultazzjoni mal-VAR iżda Barceloneta kabbru l-vantaġġ għal 6-2, b’Granados żied doppjetta oħra personali.
Marion-Vernoux naqqas id-distakk minn man-up kmieni fit-tieni sessjoni madankollu Barceloneta reġgħu għollew il-livell u prattikament għamlu ċert mir-rebħa b’doppjetta ta’ Vince Vigvari u gowls minn Martin Famera u Alejandro Bustos li kabbru l-vantaġġ għal 10-3. F’din is-sessjoni, Marseille tilfu lill-Franċiż Ugo Crousillat bit-tielet esklużjoni personali.
Ir-riżultat parzjali kien indirizza l-andament tal-logħba, bl-iskop ta’ Marseille kien li jipprovaw irażżnu l-qawwa ta’ Barceloneta. Għal ħafna mis-sessjoni rnexxielhom jagħmlu dan sakemm Barceloneta skorjaw tliet gowls konsekuttivi fl-aħħar żewġ minuti u nofs tat-tielet sessjoni.
Fl-aħħar sessjoni, doppjetta ta’ Martin Famera u s-sitt gowl personali ta’ Granados kabbru l-vantaġġ għal 19-7, b’Thomas Vernoux u Alexandre Bouet naqqsu l-marġni lejn it-tmiem, gowls li ftit għamlu differenza.
Barceloneta: U. Aguirre, M. Famera (3), A. Granados (6), A. Munarriz (1), B. Sanahuja (1), V. Vigvari (2), B. Gomila (1), G. Burian (1), R. Tahull (1), F. Perrone, U. Biel Lara (2), A. Bustos (1), N. Porter
Marseille: P. Tesanovic, D. Angyal (1), U. Crousillat, A. De Nardi, A. Prlainovic (1), T. Vernoux (3), M. Larumbe, A. Bouet (1), R. Marion Vernoux (2), M. Bodegas (1), P.F. van Peperstraete, A. Velotti, A. Hovhannysian
Referees: Michiel Zwart (Olanda), Frank Ohme (Ġermanja)
//= $special ?>