Il-Pulizija f’Pariġi, fil-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ mewġa ta’ irvellijiet u vjolenza, dritt wara li t-tim ta’ Paris St Germain kien rebaħ meritatament iċ-Champions League għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb.
U dak li kellu jkun lejl ta’ ċelebrazzjonijiet inbidel f’wieħed traġiku fost il-konfronti bejn il-gruppi tad-delinkwenti u l-pulizija fost sensiela ta’ inċidenti li kellhom ukoll il-konsegwenzi fatali.
Ir-rebħ taċ-Champions League hu l-akbar unur li jista’ jikseb klabb tal-futbol Ewropew, iżda diversi nħawi ta’ Pariġi, fil-lejl tas-Sibt, saru jixbħu zona tal-gwerra fost ix-xeni tat-twerwir li tappnu l-arja ta’ trijonf għall-Pariġini.
Il-Pulizija kkonfermaw li mietu tal-anqas tnejn f’inċidenti separati, b’200 jisfaw midruba b’kaġun tal-inċidenti li damu għaddejjin sas-sigħat bikrin tal-Ħadd. Tal-anqas 30 mill-midruba kienu pulizija – b’uffiċjal minnhom jinsab f’koma artifiċjali wara li ntlaqat f’wiċċu mil-logħob tan-nar li xi ħadd kien gara fid-direzzjoni tiegħu.
Il-Ministeru tal-Intern Franċiż qal li ġuvni ta’ 17-il sena nqatel b’daqqiet ta’ sikkina fil-belt ta’ Dax fejn kien għaddej street party organizzat mill-partitarji ta’ Paris St Germain.
L-inċident fatali l-ieħor kien jinvolvi raġel li ttajjar minn karozza waqt iċ-ċelebrazzjonijiet fil-kapitali. Iċ-ċirkustanzi taż-żewġ imwiet kienu qed ikunu investigati sal-ħin li morna għall-istampa.
Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Bruno Retailleau, fl-aħħar sigħat, ħareġ messaġġ fuq il-midja soċjali fejn qal li filwaqt li l-partitarji ġenwini ta’ Paris St Germain kienu qed jifirħu bir-rebħa kbira (fil-finali) fuq it-tim Taljan ta’ Inter, gruppi ta’ vandali ddeċidew li jħassru l-gost tan-nies b’sensiela ta’ reati u provokazzjonijet għall-qawwiet tal-liġi Franċiżi.
Hu qal li l-Gvern Franċiż ‘bl-ebda mod ma jittollera sitwazzjonjiet fejn iċ-ċelebrazzjoni tal-massa twitti t-triq għall-atti ta’ barbariżmu minn minoranza ta’ delinkwenti li ma jirrispettaw xejn u lil ħadd’.
B’kollox, sal-Ħadd filgħodu, spiċċaw arrestati mat-300 ruħ u bil-pulizija tipprova tikkontrolla l-waqtiet tal-vjolenza fl-ibnadi tal-kapitali. Vjolenza li fiha spikkaw it-tfigħ tal-flares, il-ħruq tal-karozzi , is-serq mill-ħwienet u t-tkissir tal-vendi għat-trasport pubbliku. Dan meta l-agħar waqtiet ta’ ġlied bejn il-gruppi tad-delinkwenti u l-pulizija seħħew qalb iz-zona ta’ Champs-Élysées.
Madankollu, il-Prefett tal-Pulizija ta’ Pariġi, Laurent Nuñez, qal li l-parata tar-rebħa bit-trofew taċ-Champions League se ssir xorta waħda fil-kapitali. Avveniment fejn mistennija preżenza qawwija ta’ pulizija u militari – bl-akbar ċelebrazzjoni mistennija ssir fiz-zona madwar is-stadium ta’ Parc de Princes.
It-tim ta’ Paris St Germain, ftit tal-ħin ieħor, jirritorna Pariġi minn Munich (fil-Ġermanja) u fost il-preparazzjonijiet biex il-plejers jissieħbu mal-eluf kbar tal-partitarji Pariġini fi programm speċjali ta’ ċelebrazzjonijiet.fil-kapitali.
//= $special ?>