Internazzjonali

Gaza: Aktar Palestinjani maqtula taħt idejn il-militar viċin ċentru għall-għajnuna f’Rafah

Il-qawwiet ta’ Iżrael ma naqsux mill-offensiva qalila fuq iz-zoni u l-ibliet ta’ Gaza fejn is-sitwazzjoni umanitarja saret dejjem akar gravi….Dan ukoll fost rapporti mill-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza li nqatlu ‘il fuq minn 40 Palestinjan meta t-tankijiet tal-gwerra fetħu n-nar fuq il-miri viċin ċentru li qed jiddistribwixxi l-għajnuna lill-familji….Sitwazzjoni li fiha ndarbu wkoll l-għexieren tal-Palestinjani.

Id-dettalji tal-istraġi f’Rafah, fin-naħa t’isfel ta’ Gaza, ma kenux għal kollox ċari u meta qed jiċċirkulaw il-filmati tal-karattuni mgħobbijin bil-vittmi u l-midruba li kienu qed jitwasslu lejn l-eqreb ċentri għat-trattament.

L-inċident seħħ ftit sigħat biss wara li l-Ħamas ma mpenjawx ruħhom ‘bix-xieraq’ għall-aħħar proposta tal-Istati Uniti għal waqfien mill-ġlied f’Gaza …Sitwazzjoni li tirrifletti d-differenzi kbar bejn Iżrael u d-delegati tal-Ħamas rigward il-kundizzjonijiet li jistgħu jikkonkludu konflitt li ilu għaddej minn Ottubru tal-2023.

Sadanittant, iċ-ċirkustanzi komplew jikkumplikaw ruħhom bl-istqarrija mill-grupp Gaza Humanitarian Foundation li r-rapporti dwar il-vittmi Palestinjani kienu kollha ‘fabrikati’. Iċ-ċentru tal-għajnuna inkwistjoni hi mmexxija mill-Fondazzjoni partikulari li hi appoġġjata minn Iżrael u l-Istati Uniti – bil-militar Iżraeljan jisħaq li ma kienx konxju li rriżultaw il-vittmi ċivili waqt l-azzjonijiet fl-inħawi.

Madankollu, is-sorsi Palestinjani sostnew li talanqas 200 sfaw midruba waqt l-azzjonijiet militari ta’ Iżrael f’perjodu ta’ 24 siegħa. L-istess sorsi qalu li numru ta’ nies intradmu taħt it-tifrik tal-bini waqt l-isparaturi tat-tankijiet u li kien għad fadal diversi katavri qalb it-toroq ta’ dik iz-zona.

Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza hu kontrollat mill-grupp terroristiku Ħamas li għadu qed jiddefendi l-aħħar fortizzi tiegħu fit-territorju quddiem l-offensiva ta’ Iżrael – u fost l-eqqel tal-agħar kriżi umana fir-reġjun għal snin.

Min-naħa tiegħu, Munir al-Bursh, id-Direttur Ġenerali tal-Ministeru tas-Saħħa inkwistjoni, ikkundanna dak li fisser bħala ‘is-silenzju tal-komunità internazzjonali’ rigward il-massakri tal-Palestinjani f’Gaza.

U s-sitwazzjoni għall-isptarjiet f’Gaza wkoll saret mill-akar iddisprata fost in-nuqqas akut ta’ mediċina li kapaċi tagħmel id-differenza kollha bejn ħajja u mewt.

Fil-fatt, id-Direttur Ġenerali al-Bursh  qal li Iżrael għadu qed jostakola t-trasport tal-għajnuna lin-nies ta’ Gaza u meta qed iħalli madwar 3,000 trakk weqfin fil-belt Eġizzjana ta’ Al-Arish. Dawn it-trakkijiet huma mgħobbija bil-kunsinni tal-mediċina u, għalissa, qed ikunu projbiti milli jaqsmu lejn il-Medda ta’ Gaza.

Il-Ħamas, fl-istess ħin, akkużaw lill-Iżraeljani b’li qed jikkaġunaw l-epidemiji tal-mard fost il-familji ta’ Gaza bl-insistenza tagħhom biex jiċħdu lill-Palestinjani mill-mediċina u varjetà ta’ vaċċini. Dan meta l-provvista tal-ilma li hu tajjeb għax-xorb ukoll qed tkun problema kbira għan-nies ta’ Gaza.