Lokali

Il-familji Maltin u Għawdxin jeħtieġu ekonomija li tħarishom u ssaħħaħhom – Bernard Grech

Catriel Farrugia Sghendo

Matul din il-maratona li qed tixxandar fuq Net Television u Net FM, li għal darb’oħra qed tikkonferma l-appoġġ lejn il-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar it-tama ġdida li l-poplu qed jaħdem qatigħ għaliha; tama li l-PN qed iwassal fid-djar tan-nies b’ħidma kontinwa.

Intant,  f’messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tul din il-maratona, huwa rringrazzja lil kull ċittadin tal-għajnuna imprezzabbli tiegħu hekk kif huma s-sinsla għal ħajja ta’ kwalità f’pajjiżna.

Bernard Grech tkellem dwar miżuri diversi li l-Partit Nazzjonalista ppropona fl-aħħar xhur fost oħrajn li titneħħa t-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja, li ngħinu wkoll lil dawk li qed iħadmu sabiex il-Gvern joħroġ l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja permezz ta’ tax credits filwaqt ukoll li jinħoloq fond nazzjonali. Dan filwaqt li insista fuq il-proposta tant siewja li t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 tal-overtime u l-part time titneħħa.  

Dan filwaqt li spjega li l-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm riforma ħolistika fil-Kostituzzjoni u mhux biċċa biċċa kif jixtieq il-Gvern. Dan hekk kif Bernard Grech spjega li l-Gvern ma jistax jaqbad u jbiddel il-Kostituzzjoni x’ħin irid u meta jrid fil-kumdità tiegħu, iżda hemm bżonn li kulħadd ipoġġi mal-mejda u titfassal bidla kif inhi xierqa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-kwistjoni ta’ Manoel Island hek kif spjega li l-idea ta’ park nazzjonali togħġbu madanakollu insista li sal-lum hemm obbligi kontrattwali.

Huwa fakkar kif diġà kien hemm obbligi li għalihom ħlejna mal-€400 miljun u għaldaqstant wieħed irid jara x’riperkussjonijiet jista’ jkun hemm, iżda fakkar kif se jiddiskuti u jifhem il-petizzjoni b’rabta ma’ dan il-każ.

Finalment Bernard Grech sostna kif il-Gvern Laburista qed jiġi jaqa’ u jqum mid-demokrazija u r-rieda ta’ poplu, b’eżempju ċar huwa dak li seħħ fil-Kunsill Lokali tal-Għargħur, fejn il-Labour ħataf kunsill kontra r-rieda tal-maġġoranza.

Intant, Bernard Grech irringrazzja lil voluntiera kollha li dejjem għenu sabiex jinġabru l-fondi meħtieġa sabiex il-PN ikompli miexi ‘l quddiem. Dan apparti li rringazzja lill-ħaddiema u l-poplu kollu tad-donazzjonijiet li jagħtu tul l-attivitajiet u maratoni passati.