Internazzjonali

Il-Polonja: Taqtigħa għall-Presidenza bejn Trzaskowski u Nawrocki

Il-poplu Pollakk qed jivvota biex jeleġġi President ġdid għal pajjiżu u fejn qed jagħżel bejn Rafał Trzaskowski, is-Sindku ta’ Moska u politiku liberali favur l-Ewropa u Karol Nawrocki; konservattiv li hu appoġġjat mill-Partit għal-Liġi u l-Ġustizzja li qed jippromwovi politika tal-lemin.

L-elezzjoni qed issir wara li  Andrzej Duda ikkonkluda t-tieni u l-aħħar termini bħala President tal-Polonja. Intant, l-għażla tal-President ġdid qed titqies bħala fattur sinifikanti għall-futur tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Donald Tusk…Gvern li qed imexxi programm ibbażat fuq il-politika taċ-ċentru u li jista’ ikun ostakolat mill-Presidenza li għandha l-poter biex teżerċita l-veto fil-konfront tal-liġijiet.

Ir-riżultati tal-vot jitħabbru nhar it-Tnejn u meta din l-elezzjoni qed issegwi l-ewwel rawnd elettorali tat-18 ta’ Mejju fejn Trzaskowski kien rebaħ ftit aktar minn  31 fil-mija tal-appoġġ popolari u  b’Nawrocki jikseb kważi 30 fil-mija….Proċess li fih kienu eliminati 11-il kandidati oħra.

Ir-rivali għall-Presidenza għandhom ideoloġiji ferm differenti minn ta’ xulxin u filwaqt li Trzaskowski wiegħed li jippromowvi r-relazzjoijiet kostruttivi mal-Istati tal-Ewropa, Nawrocki dejjem wera xettiċiżmu rigward l-Unjoni Ewropea u meta hu wkoll sostenitur tal-President Amerikan Donald Trump u tal-konservattivi f’Washington.