Futbol Sport

Inter b’fiduċja f’Inzaghi minkejja t-telfa umiljanti fil-finali taċ-Champions League

(Ritratt: EPA)

Il-President tal-klabb ta’ Inter Giuseppe Marotta qal li l-klabb għandu fiduċja assoluta fil-kowċ Simone Inzaghi wara t-telfa umiljanti ta’ 5-0 kontra PSG fil-finali tal-UEFA Champions League.

Inter kienu kritikati minn bosta fost l-oħrajn minn partitarji u ankel l-midja Taljana. Fl-aħħar ġimgħat, Inzaghi kien qiegħed jissemma li jista’ jissieħeb mal-klabb mill-Arabja Sawdija Al-Hilal. Marotta qal li l-klabb huwa kuntent ferm b’Inzaghi u li t-telfa tas-Sibt mhix se tkun qed timpatta l-futur tal-kowċ.

Kemm ilu ma’ Inter, mill-2021, Inzaghi wassal lil Inter għar-rebħ tal-kampjonat kif ukoll darbtejn il-Coppa Italia. Minbarra l-finali ta’ lbieraħ Inter kienu waslu wkoll sal-finali taċ-Champions League fl-2023 meta dakinhar tilfu kontra Manchester City.

F’dan l-istaġun, Inter kienu ferm viċin li jirbħu l-kampjonat meta temmew biss punt wara Napoli filwaqt li fil-Coppa Italia kienu eliminati fis-semifinali minn Milan.