Internazzjonali

Ir-Russja: Mejtin u midruba fost il-kroll tal-pontijiet f’inċidenti separati

Mietu tal-anqas għaxra, b’għexieren jisfaw midruba, fost il-kroll ta’ żewġ pontijiet waqt inċidenti separati fir-reġjuni tar-Russja li jmissu mal-fruntiera tal-Ukrajna.

Wieħed mill-pontijiet li ċeda jinsab fi Bryansk u, b’konsegwenza tal-kroll, numru ta’ trakkijiet li kienu għaddejjin minn fuqu waqgħu direttament għal fuq ferrovija li nzertat għaddejja minn binarju aktar ‘l isfel mill-pont. L-awtoritajiet għall-emerġenzi, sadanittant, qalu li hemm it-tfal fost aktar minn 50 midruba u li l-kundizzjonijiet tagħhom ma kenitx magħrufa.

Intant, kelliema għan-network tal-ferroviji ta’ Moska qalu li l-pont kellu jċedi b’riżultat ta’ ‘ndħil illegali’ – bit-tieni inċident iseħħ sigħat wara meta kkrolla pont ieħor fid-distrett  ta’ Zheleznogorsk u fejn ferrovija spiċċat taqbeż il-linji waqt li ħadet in-nar fi kwistjoni ta’ minuti.

Is-servizzi tal-emerġenzi kollha, fl-aħħar sigħat, kienu qed jippruvaw isibu l-kaġun tal-kroll fiż-żewġ zoni u fost l-investigazzjonijiet biex l-awtoritajiet jiddeterminaw jekk dawn iż-żewġ inċidenti kenux fil-fatt relatati ma’ xulxin. Dan meta l-Ukrajna għadha ma kkummentatx dwar  is-sitwazzjoni.