€329,882.
Din kienet is-somma finali miġbura mill-PN waqt il-maratona tal-Ħadd, maratona li kienet organizzata fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonlista.
Matul din il-maratona, li għal darb’oħra kkonfermat l-appoġġ lejn il-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar it-tama ġdida li l-poplu qed jaħdem qatigħ għaliha; tama li l-PN qed iwassal fid-djar tan-nies b’ħidma kontinwa.
Intant, f’messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tul din il-maratona, huwa rringrazzja lil kull ċittadin tal-għajnuna imprezzabbli tiegħu hekk kif huma s-sinsla għal ħajja ta’ kwalità f’pajjiżna.
Bernard Grech tkellem dwar miżuri diversi li l-Partit Nazzjonalista ppropona fl-aħħar xhur, fost oħrajn li titneħħa t-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja, li ngħinu wkoll lil dawk li qed iħadmu sabiex il-Gvern joħroġ l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja permezz ta’ tax credits, filwaqt ukoll li jinħoloq fond nazzjonali. Dan filwaqt li insista fuq il-proposta tant siewja li t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 tal-overtime u l-part time titneħħa.
Dan, filwaqt li spjega li l-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm riforma ħolistika fil-Kostituzzjoni u mhux biċċa biċċa kif jixtieq il-Gvern. Dan hekk kif Bernard Grech spjega li l-Gvern ma jistax jaqbad u jbiddel il-Kostituzzjoni x’ħin irid u meta jrid fil-kumdità tiegħu, iżda hemm bżonn li kulħadd ipoġġi mal-mejda u titfassal bidla kif inhi xierqa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-kwistjoni ta’ Manoel Island hekk kif spjega li l-idea ta’ park nazzjonali togħġbu, madanakollu insista li sal-lum hemm obbligi kontrattwali.
Huwa fakkar kif diġà kien hemm obbligi li għalihom ħlejna mal-€400 miljun, għaldaqstant wieħed irid jara x’riperkussjonijiet jista’ jkun hemm iżda fakkar kif se jiddiskuti u jifhem il-petizzjoni b’rabta ma’ dan il-każ.
Finalment, Bernard Grech sostna kif il-Gvern Laburista qed jiġi jaqa’ u jqum mid-demokrazija u r-rieda ta’ poplu b’ezempju ċar huwa dak li seħħ fil-Kunsill Lokali tal-Għargħur, fejn il-Labour ħataf kunsill kontra r-rieda tal-maġġoranza.
Intant, Bernard Grech irringrazzja lil voluntiera kollha li dejjem għenu sabiex jinġabru l-fondi meħtieġa sabiex il-PN ikompli miexi ‘l quddiem. Dan apparti li rringazzja lill-ħaddiema u l-poplu kollu tad-donazzjonijiet li jagħtu tul l-attivitajiet u maratoni passati.
Aktar kmieni, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello insista li l-pajjiż jixraqlu gvern alternattiv, u l-ħidma tal-Partit għaddejja bit-tiġdid għaliex nies ġodda jissarrfu f’ideat friski u għaldaqstant kull sforz fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed jimmira għal titjib intern kif ukoll għal komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Huwa insita li fl-aħħar xhur il-ħdima tiegħu kienet waħda pozittiva, fejn kien, għadu u se jibqa’ jiltaqa’ mal-istrutturi tal-PN b’messaġġ ta’ ħidma, tiġdid u tisħiħ.
Dan filwaqt li l-Viċi Kap tal-PN, Aex Perici Calascione, saħaq li din il-maratona hija essenzjali għat tisħiħ tal-messaġġ tal-midja tal-PN iżda mhux biss.
Partit li mhux biss lest ikun gvern alternattiv iżda jisma’ lil familji.