Il-bieraħ filgħodu, Ħamrun Spartans ħabbru b’mod uffiċjali l-isem tal-kowċ il-ġdid tagħhom. Għal darb’oħra, kif kienet il-prassi fil-klann ta’ Ħamrun Spartans f’dawn l-aħħar snin, il-kowċ magħżul hu Taljan. Fil-jiem li għaddew, nhar it-23 ta’ Mejju li għadda, il-paġna ta’ Replay żvelat l-aħħar żviluppi dwar kif u f’liema direzzjoni qed taħdem l-amministrazzjoni Ħamruniża, bi preparazzjoni għall-istaġun il-ġdid 2025/26.
Dakinhar Replay kien żvela li l-mira ta’ Ħamrun Spartans kienet li l-kowċ il-ġdid magħżul ikun Taljan; għażla bil-wisq komuni fil-klann Ħamruniż f’dawn l-aħħar 12-il sena, fejn l-akbar ammomt ta’ kowċis magħżula kienu fil-maġġoranza tagħom ta’ nazzjonalitá Taljana. Fil-fatt dak li żvela Replay fl-aħħar jiem issa ġie konfermat b’mod uffiċjali minn Ħamrun Spartans. Dan għaliex Replay irrapporta li Ħamrun Spartans kienu qed iħarsu lejn kowċ li kellu esperjenza fl-ogħla livell tal-futbol Taljan.
Giacomo Modica, li bosta fl-Italja jirreferu għalih bħala ‘Lo Zemaniano”, hu l-isem magħżul b’mod uffiċjali miċ-champions il-ġodda. Hu se jkun is-suċċessur tal-Malti, Winston Muscat li mexxa lil Ħamrun Spartans fl-aħħar xahrejn tal-istaġun tal-Malta Premier, biżżejjed biex dawwar l-affarijiet fil-kamp Ħamruniż, u f’mument li l-affarijiet dehru li setgħu jikkrollaw u l-Ħamruniżi ma jirbħux il-Kampjonat, b’Muscat fit-tmun u b’format tal-Malta Premier li kif seħħew l-affarijiet iffavorixxa lil Ħamrun Spartans, l-iskwadra mmexxija mill-President Joseph Portelli reġgħet rebħet it-titlu ta’ champions ta’ Malta għat-tielet darba konsekuttivament.
L-isem ta’ Modica jaf li mhux kulħadd jafu jew sema’ bih qabel din id-darba, iżda fl-Italja jirreferu għalih bħala “Lo Zemaniano” għal raġuni. Modica, li għandu 61 sena, għal diversi snin u ma’ diversi klabbs, fosthom dawk fis-Serie A Taljana, Modica, kien il-magħżull tal-kowċ popolari u kontroversjali fl-Italja, Zdenek Zeman. Dan tal-aħħar jibqa’ imfakkar għas-suċċess li kien għamel lura fiż-żmien meta mis-Serie C kien mexxa lil Foggia għall-promozzjoni fis-Serie A.
Modica kien kollaboratur dirett ta’ Zeman, u gawda mill-fiduċja teknika tiegħu għal tant snin, meta dan kien fit-tmexxija ta’ Fenerbache, Napoli, Salernitana, Brescia, Avellino, Cagliari u Roma.
Mingħajr dubju, il-ħsieb u l-istil tattiku ta’ Modica hu influwenzat mill-moda ta’ kif it-timijiet ta’ Zeman kienu jilagħbu. Zeman kien kowċ ta’ suċċess fl-Italja, partikolarment lejn l-aħħar tas-snin 90 u l-bidu tal-millenju l-ġdid, u kien wieħed mill-kowċis fl-Italja li beda’ jintroduċi rivoluzzjoni fl-istil tattiku ta’ logħob Taljan li jkun aktar dirett u offensiv.
Fil-fatt il-modulu tattiku l-aktar użat minn Modica, mat-timijiet li mexxa riċentament bħala kowċ, hu identiku għal dak ta’ kif kien jilgħab Zeman, ċioé 4-4-2 u 4-3-3.
Wara li ħadem fl-ogħla livell ta’ futbol Taljan u Ewropew ma’ Zeman, Modica kien kowċ ta’ diversi klabbs fid-diviżjonijiet inferjuri primarjament Serie B u Serie C fl-Italja, fosthom Cosenza, Lecce, Messina, Vibonese, Celano u Cavese fost l-oħrajn.
Modica hu minn Sqallija, minn Mazara del Vallo u bħala plejer lagħab ma’ Palermo, Licata, Messina, Acireale, Padova, Ancona u Ternana. Fost l-oħrajn, fiż-żmien li kien jilgħab ma’ Messina, fl-istess skwadra miegħu kien hemm il-mibki attakkant u skorer prolifku Taljan, Salvatore Schillaci.
Mhux hekk biss, iżda meta lagħab ma’ Padova, bejn l-1992 u l-1993, hu kien wieħed mill-plejers ta’ esperjenza fit-tim fl-istess perjodu li fl-iskwadra ta’ Padova kien qed jibda jiġi introdott tfajjel promettenti, bl-isem ta’ Alessandro Del Piero.
Fiż-żmien li Modica, riċentament kien kowċ ta’ Messina, f’Settembru tal-2023, hu kien ħa d-deċiżjoni li l-klabb Sqalli jiffirma liż-żagħżugħ internazzjonali Malti, Andrea Zammit mingħand Valletta għalkemm l-esperjenza, jew aħjar it-trasferiment tal-attakkant, ftit li xejn kien suċċess kif mixtieq wara li l-plejer ma damx biex reġa’ irritorna jilgħab f’Malta.
Permezz tal-midja soċjali, Ħamrun Spartans ħabbru b’mod uffiċjali l-ħatra ta’ Modica bħala kowċ u rreferew għalih bħala kowċ “b’viżjoni, esperjenza u passjoni.”
L-isem tal-kowċ il-ġdid ta’ Ħamrun Spartans kienet deċiżjoni li bosta partitarji Ħamruniżi kienu qed jistennew, għaliex issa, la darba li nafu li Modica hu responsabbli mit-tmexija teknika u l-preparazzjoni tat-tim għall-UEFA Champions League, it-tim se jkun qed jaħdem fuq l-irtorkki li jixtieq il-kowċ il-ġdid, bl-għan li l-iskwadra tkompli tissaħħaħ.
//= $special ?>