Il-qawwiet tal-Ukrajna, ftit tal-ħin ilu, wettqu l-aktar attakk devastanti fuq ir-Russja mindu t-truppi ta’ Vladimir Putin invadew l-artijiet tal-Ukreni fi Frar tal-2022. Fl-azzjoni li fiha kienu sparati d-drones li qerdu ‘l fuq minn 40 ajruplan militari (bombers) li tħallew jaqbdu fil-bażi militari ta’ Sredniy, fis-Siberja.
Id-drones kienu sparati mit-trakkijiet u skont strateġija militari li kienet ilha titħejja għal xhur taħt is-sorveljanza tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
L-attakk nissel xokk qawwi f’Moska, fost rapporti li l-Kremlin qed iħejji l-kontroazzjonijiet u fejn baqa’ ma ħariġx stqarrija uffiċjali.
L-Ukrajna ilha żmien torganizza l-attakki kuraġġużi fuq l-interessi tar-Russja iżda din l-azzjoni qed tindika livell ġdid ta’ kapaċità militari mill-qawwiet ta’ Zelensky.
Dan waqt li r-Russi rappurtaw ukoll dwar attakki bid-drones fuq l-inħawi ta’ Murmansk u Irkutsk – u fejn qalu wkoll li s-sistemi tad-difiża fl-inħawi ‘kienu għadhom qed jiffunzjonaw’.
Intant, ir-Russja, fi tmiem il-ġimgħa, sparat mill-ġdid il-mijiet tad-drones lejn l-ibliet tal-Ukrajna. Iżda minkejja l-assedju, ftit hemm dubju li l-aħħar azzjonijiet tal-Ukreni taw daqqa ta’ ħarta kbira lill-moral tar-Russi – minbarra li ħallew effett sinifikanti għall-kapaċitajiet tal-Kremlin biex jolqot il-miri fl-Ukrajna bil-cruise missiles.
L-attakki mill-Ukreni saru ftit qabel it-taħditiet diretti li jibdew nhar it-Tnejn (fit-Turkija) bejn id-delegazzjonijiet tal-Ukrajna u r-Russja. Taħditiet li huma parti minn impenn diplomatiku – immexxi mill-President Amerikan Donald Trump – għal ftehim għall-waqfien mill-ġlied u, eventwalment, it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.
//= $special ?>