Futbol Sport

Lejl emozzjonanti għal Luis Enrique u tasal l-ewwel UEFA Champions League għal PSG

(Ritratt: EPA)

Lejl emozzjonanti għall-kowċ Spanjol ta’ PSG Luis Enrique u għal PSG hekk kif kisbu l-ewwel UEFA Champions League fl-istorja tal-klabb.

Fil-finali li ntlagħbet fi Munich is-Sibt filgħaxija, PSG iddominaw lil Inter fl-akbar rebħa f’finali taċ-Champions League meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 5-0. Spikka iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena Desire Doue li skorja żewġ gowls. Il-partita minn PSG kienet deskritta minn bosta bħala waħda mill-aqwa f’finali ta’ din ix-xorta.

Kienet ukoll rebħa sinifikanti għal Luis Enrique li sar s-sitt kowċ li rnexxielu jirbaħ dan l-unur ma’ żewġ klabbs differenti wara s-suċċess li kien kiseb ma’ Barcelona. Spikka wkoll l-aspett uman f’Enrique hekk kif hu tkellem dwar kif f’dak il-lejl li rebaħ dan l-unur ma’ Barcelona kien għen lil bintu Xana tħawwel l-bandiera tal-klabb f’nofs il-grawnd. Sfortunatment, Xana ma kinitx preżenti fil-finali tas-Sibt għaliex ħalliet d-dinja fl-età ta’ disa’ snin, iżda dan il-mument kien imfakkar mill-partitarji ta’ PSG hekk kif fi tmiem il-partita tellgħu korjografija li wriet dan il-mument iżda minflok il-bandiera ta’ Barcelona, Enrique kellu l-bandiera ta’ PSG.

Wara l-partita, Enrique qal li kien jinsab kuntent ħafna iżda emozzjonat fejn stqarr li hu dejjem jiftakar f’bintu għaliex tinsab miegħu f’kull mument.