Lokali

Robert Aquilina jirriżenja mill-NGO Repubblika

In-Nutar Robert Aquilina m’għadux membru ta’ Repubblika. Dan wara li l-għaqda infurmat lill-istampa li hija rċeviet ir-riżenja ta’ Aquilina minn President Onorarju kif ukoll minn membru tal-istess għaqda, bl-NGO tilqa’ minnufih din ir-riżenja.

Dan wara li tul il-jum tas-Sibt sar magħruf li Robert Aquilina kien interrogat mill-Pulizija b’rabta ma’ allegata vjolenza domestika. Il-media indipendenti rrapportat kif wara li sarilha risk assessment test, ġie konkluż li l-mara ta’ Aquilina kienet tinsab f’riskju.

Huwa qed jiġi rappreżentat mill-Avukat Arthur Azzopardi, bl-Avukat jisħaq li l-klijent tiegħu qed jiċħad l-akkużi kollha filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu mal-ġurnal Times of Malta dwar il-fatt li tali storja konjugali ġiet leaked mill-Korp tal-Pulizija.

Aktar tard, l-istess Aquilina f’kitba pubblika ċaħad b’mod mill-aktar kategoriku li hu qatt għamel xi reat filwaqt li insista li dak li esprima mal-Pulizija mhux se jkun qiegħed ilissnu fil-pubbliku b’rispett lejn il-familja tiegħu.

Huwa insista wkoll li wara li tkellem mal-Pulizija, l-istess Pulizija bgħatuh lura d-dar mal-familja, b’Aquilina jisħaq però d-dispjaċir tiegħu tal-fatt li tali każ daqstant sensittiv kien leaked mill-Pulizija, tant li sab fotografi barra l-għassa dieħel għal-laqgħa mal-Pulizija.

Aquilina talab għar-rispett tal-privatezza, hekk kif filwaqt li ammetta mingħajr tlaqlieq li ż-żwieġ tiegħu fl-aħħar xhur u snin kien għaddej minn turbolenzi kbar, esprima x-xewqa li tinġieb rispett lejn it-tliet uliedhom li huma minuri.

Aquilina fakkar kif fl-istess waqt irriżenja minn Repubblika sabiex qabel xejn il-privatezza ta’ familtu tiġi rispettata kif ukoll ma jħallix dan il-każ jintuża biex itellef il-ħidma ta’ kawża ġusta. Dan filwaqt li spjega li se jkun qed jissospendi liu nnifsu mill-Kunsill Ġenerali tal-istess Fondazione Falcone.

Intant, huwa ħataf l-okkażjoni sabiex jirringrazzja lil dawk kollha li offrew is-sostenn tagħhom lil familtu f’dan il-mument.