Lokali

Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN – Investiment fid-demokrazija tal-pajjiż

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo

Matul il-Maratona Ġbir ta’ Fondi li għaddejja preżentament, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello insista li l-pajjiż jixraqlu gvern alternattiv, u l-ħidma tal-Partit għaddejja bit-tiġdid għaliex nies ġodda jissafru f’ideat friski u għaldaqstant kull sforz fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed jimmira għal titjib intern kif ukoll għall-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

Huwa insista li fl-aħħar xhur il-ħidma tiegħu kienet waħda pożittiva, fejn kien, għadu u se jibqa’ jiltaqa’ mal-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista – b’messaġġ wieħed ta’ ħidma, tiġdid u tisħiħ tal-messaġġ.

Charles Bonello insista li donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista huwa investiment fid-demokrazija tal-pajjiż. Huwa rringrazzja l-ħaddiema u l-voluntieri numerużi li dejjem jagħtu is-sehem tagħhom minn wara l-kwinti.

Dan filwaqt li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione saħaq li din il-maratona hija essenzjali għat-tisħiħ tal-messaġġ tal-media tal-partit iżda mhux biss, anke b’rabta mal-ħidma intensiva sabiex jitfassal b’suċċess manfiest elettorali metikoluż u riċerkat.

Huwa insista li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma mera tal-ħtiġijiet tal-poplu Malti u Għawdxi – Partit li mhux biss lest ikun gvern alternattiv iżda jisma’ u jattwa fuq l-appelli tal-familji.  

Fil-bidu tal-Maratona Ġbir ta’ Fondi s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello u t-Teżorier tal-PN Veronica Perici Calascione saħqu li din hija opportunità lil dawk kollha li jixtiequ bidla fit-tmexxija tal-pajjiż, sabiex jinvestu fil-PN u fl-istess ħin bid-donazzjoni tagħhom jkomplu jsostnu l-Partit. Huma rringrazzjaw ukoll lill-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll lill-voluntiera kollha.

Waqt din il-Maratona Ġbir ta’ Fondi l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jerġa’ jdur lejn in-nies sabiex jiġbor fondi importanti ħafna, li tant huma meħtieġa kemm għall-Partit Nazzjonalista kif ukoll għall-media tal-Partit.ż

Din il-maratona hija waħda importanti ħafna għaliex permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista jista’ jkompli jwassal il-viżjoni tiegħu propju ftit jiem qabel il-budget 2025.

Waqt din il-maratona mhux se jonqos id-divertiment hekk kif il-kantanti ser ikunu qiegħdin jżommu kumpanijja lill-dawk li ser ikunu jistgħu jsegwu permess ta’ Net Television, Net FM u anke dawk li jiġu fid-Dar Ċentrali tal-PN għal din il-maratona ġbir ta’ fondi.