Internazzjonali

Żewġ persuni jitilfu ħajjithom u mijiet oħrajn arrestati fi Franza wara r-rebħa tal-PSG

Żagħżugħ ta’ 17-il sena tilef ħajtu b’daqqiet ta’ sikkina f’sidru waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa ta’ Paris Saint Germain fil-finali taċ-Champions League kontra Inter.

Il-każ seħħ fir-raħal Franċiż Dax, hekk kif is-Sibt filgħaxija mijiet ta’ persuni ġew arrestati madwar il-pajjiż skont il-Ministeru tal-Intern.

Żagħżugħ ieħor, din id-darba ta’ 23 sena, tilef ħajtu fiċ-ċentru ta’ Pariġi wara li spiċċa mtajjar minn vettura waqt li kien qiegħed isuq scooter.

Kelliema għall-Awtoritajiet saħqu li bosta ġew arrestati wara li tqabdu murtali fuq in-nies, tkissru bus shelters kif ukoll diversi vetturi spiċċaw maħruqin qalb kakofonija ta’ ċelebrazzjoni vjolenti wara li PSG trijonfaw kontra Inter.