Hemm aktar minn elf applikazzjoni f’Għawdex quddiem l-Awtoritàt tal-Ippjanar għal permessi ta’ żvilupp. Dawn jinkludu aktar minn 900 li huma approvati diġà jew kompleti, kif ukoll 130 applikazzjoni li għadha mhix kompleta u għadha qed tkun ipproċessata.
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament wara mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar qal li jirriżulta li dawn l-applikazzjonijiet jinkludu permessi għal kull tip ta’ applikazzjoni, sew għal binjiet ġodda kif ukoll applikazzjonijiet għal tibdil jew tnaqqis jew żidiet għal binjiet eżistenti jew bdil fl-użu ta’ strutturi eżistenti; u jinkludu applikazzjonijiet għal permessi sħaħ (Full), permessi dwar il-mertu (Outline), kif ukoll permessi għal tiġdid (Renewal).
Jirriżulta wkoll li l-permessi kollha – kompleti u dawk mhux kompleti – fil-Fontana huma 16; f’Għajnsielem 81; fl-Għarb 62; fl-Għasri 42; f’Kercem 47; fil-Munxar 50; fin-Nadur 94; fil-Qala 79; fir-Rabat (Għawdex) 136; f’San Lawrenz 29; f’Ta’ Sannat 46; fix-Xaghra 135; fix-Xewkija 99; fiż-Żebbug (Gozo) 118; u wieħed kull wieħed f’Għajnsielem (Kemmuna); f’Għajnsielem/fil-Qala; f’Għajnsielem/fix-Xewkija; fl-Għarb/fl-Għasri; f’Kercem/fir-Rabat (Għawdex); fin-Nadur/fil-Qala; fin-Nadur/fix-Xaghra u fin-Nadur/x-Xaghra/Xewkija; u fir-Rabat (Għawdex)/iż-Zebbuġ (Għawdex).