BirdLife Malta qed tikkundanna b’mod qawwi l-ispettaklu tad-dawl u l-mużika li sar fis-sit Natura 2000 f’Popeye Village fi tmiem il-ġimgħa, u tingħaqad mal-Malta Ranger Unit (MRU) biex tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar dan l-inċident. Avvenimenti bħal dawn m’għandhomx isiru f’zoni sensittivi protetti għall-valur ekoloġiku tagħhom.
Huma qed jistaqsu kif ġie permess dan l-avveniment u għalfejn ma ttieħdet ebda azzjoni immedjata meta ġie rrappurtat. L-avveniment privat, allegatament ospitat minn kumpanija Olandiża, sar matul is-sigħat tad-dlam meta l-Garnija, speċi strettament protetta, jirritornaw biex jitimgħu lil uliedhom. Dawn l-għasafar huma sensittivi ħafna għat-tniġġis tad-dawl; dawl intensiv jista’ jwassal sabiex l-adulti jabbandunaw il-bejta, u jħallu l-flieles imutu bil-ġuħ. Fl-irdumijiet ħdejn il-Popeye Village jbejtu bejn 200 u 350 koppja.
Huma fakkru wkoll li n-Notices to Mariners 9 & 10 tal-2023, li jibqgħu fis-seħħ matul is-sena kollha, jipprojbixxu tniġġis tad-dawl u l-mużika qrib il-ħruġ tal-Bajja tal-Ankra u l-baħar ta’ madwarha, u jippermettu biss dawl ta’ navigazzjoni obbligatorju fuq il-bastimenti. Dan juri kemm is-sit huwa sensittiv iżda madankollu l-avveniment fuq l-art xorta waħda baqa’ għaddej mingħajr miżuri ta’ prekawzjoni evidenti.
Il-MRU rrappurtaw l-inċident immedjatament lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waqt li kien għadu għaddej, u qasmu filmati li juru dawl qawwi jidħol fiz-zoni protetti. Minkejja li l-ERA għandha tim ta’ infurzar 24/7, huma ma għamlu ebda intervent. BirdLife Malta qed titlob spjegazzjoni għaliex it-tim ta’ infurzar tal-ERA ma ġiex mibgħut fuq il-post wara li ntbagħat il-filmat.
Issa l-ERA nediet investigazzjoni, iżda dan ir-rispons dewwiemi huwa inammissibbli. BirdLife Malta qed issejjaħ lill-ERA biex:
- Tikkonferma jekk kienx hemm permess għall-avveniment.
- Tispjega x’tip ta’ infurzar se jittieħed.
- Tgħid għaliex l-unità ta’ infurzar 24/7 ma żarx is-sit waqt l-avveniment.
- Tirrevedi l-proċeduri biex tiżgura rispons f’waqtu f’każijiet futuri.
Għalkemm qed jilqgħu l-investigazzjoni tal-ERA, huma sostnew li d-dannu diġà sar. Multi wara li sar il-fatt mhix deterrent effettiv. Jekk ma kienx hemm bżonn ta’ permess, ir-regolamenti jridu jissaħħu b’mod urġenti biex jiġu evitati avvenimenti bħal dawn qrib siti sensittivi.
Huma qed iroddu ħajr lill-MRU għar-rispons pront tagħhom u tali se jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni. L-awtoritajiet iridu jagħmlu iktar biex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tat-tniġġis tad-dawl u jirrikonoxxu d-dmir tagħhom li jipproteġu l-bijodiversità ta’ Malta, speċjalment fil-aktar zoni sensittivi tagħna.
//= $special ?>