Din hija ġimgħa importanti għal Malta bħala tim nazzjonali, hekk kif nhar is-Sibt li ġej se nkunu qed nilagħbu l-ewwel logħba minn tnejn fi spazju ta’ erbat ijiem, bħala parti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026.
L-ewwel logħba se tkun kontra l-Litwanja, f’Ta’Qali, u t-tieni waħda se tkun nhar it-Tlieta, 10 ta’ Ġunju, f’Groningen, kontra l-Olanda.
Fil-veritá, fuq il-karta, Malta se tkun qed tilgħab f’temp ta’ erbat ijiem dik li hija l-aktar partita li possibilment għadna ċans niġbru tliet punti minnha, ċioé kontra l-Litwanja u jiem wara se nilagħbu dik li għandha tkun l-aktar logħba iebsa, mit-tmien partiti li għadna skedati f’Grupp G, kontra l-Olanda f’darhom.
B’rabta ma’ dawn il-partiti, il-kowċ Taljan ta’ Malta, Emilio De Leo, għadu jrid iħabbar l-iskwadra finali għaż-żewġ konfronti, iżda llum, il-kowċ ta’ 47 sena, poġġa flimkien mal-ġurnalisti sportivi lokali, sabiex iwieġeb għal kull domanda li saret lilu b’rabta mal-ħidma tiegħu bħala kowċ, waqt li ta rendikont tal-preparazzjoni tal-Maltin għal dawn iż-żewġ konfronti.
Hu saħaq, b’mentalitá pożittiva, li Malta qed tħares lejn kull avversarju li tilgħab kontra tiegħu b’mod l-istess għaliex kull logħba hija diffiċli iżda fl-aħħar mill-aħħar f’kull logħba li nilagħbu, ir-riżultat u l-prestazzjoni tal-Maltin jiddependi minn dak li jirnexxilna nagħmlu aħna bħala tim nazzjonali.
//= $special ?>