“Malta qed issaħħaħ il-preżenza globali tagħha fis-settur tas-servizzi finanzjarji, b’FinanceMalta fuq quddiem fl-isforzi biex jissaħħaħ l-għarfien dwar il-ġurisdizzjoni Maltija bħala ċentru finanzjarju ta’ reputazzjoni tajba, fi swieq strateġiċi lil hinn mill-Ewropa, partikolarment fl-Asja”. Dan qalu ċ-Chairman ta’ FinanceMalta, George Vella, waqt it-tnedija tar-Rapport Annwali 2024.
Matul l-aħħar sena, FinanceMalta saħħet l-impenn tagħha ma’ istituzzjonijiet globali, li rriżultaw f’żieda fl-interess f’pajjiżna minn kumpaniji internazzjonali li qed iħarsu lejn Malta bħala post fejn jistgħu jinvestu u jespandu. B’mod partikolari, issaħħet il-kollaborazzjoni mal-Asja, b’interess partikolari fil-Ġappun. Dawn ir-relazzjonijiet qed joħolqu opportunitajiet ġodda għas-settur finanzjarju, hekk kif Malta timraħ fi swieq ġodda madwar id-dinja.
Fil-ħidma tagħha, FinanceMalta ħadmet fil-qrib ma’ diversi stakeholders fis-settur, fosthom membri tagħha, u l-awtoritajiet, biex b’hekk setgħet tibqa’ tiddefendi l-interessi tal-industrija. Fost l-iktar żviluppi importanti matul is-sena, kien hemm id-deċiżjoni tal-gvern li jipposponi l-implimentazzjoni tar-regoli fiskali tal-OECD, magħrufa bħala Pillar Two, deċiżjoni li kellha l-appoġġ ta’ FinanceMalta. Din id-deċiżjoni kellha l-għan li tiddefendi l-kompetittività ta’ Malta filwaqt li jinkiseb aktar żmien biex pajjiżna jkun konformi mar-regolamenti Ewropej. Dan wassal ukoll biex tinżamm l-kunfidenza tal-investituri f’perjodu ta’ bidliet regolatorji kbar fuq livell internazzjonali.
Matul is-sena, FinanceMalta, li issa tħaddan kważi 300 membru mill-industrija finanzjarja, saħħet ir-relazzjonijiet tagħha ma’ stakeholders ewlenin fis-settur, b’mod partikolari permezz tal-ħidma tagħha fi ħdan il-Malta Financial Services Advisory Council (MFSAC). Din il-ħidma tgħin biex l-inizjattivi tas-settur pubbliku u dak privat jimxu id f’id u b’hekk is-settur jitħejja għal futur permezz ta’ ppjanar strateġiku li jwassal għal riżultati tanġibbli.
Ir-rapport jitkellem ukoll dwar ir-rwol ta’ FinanceMalta biex jixpruna l-innovazzjoni bħala l-mutur tat-tkabbir, f’oqsma bħal fintech, il-finanzjament sostenibbli u s-servizzi diġitali. Dawn is-setturi qed jitqiesu bħala ċentrali fil-ħila ta’ pajjiżna li jadatta u jissaħħaħ bħala ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ kwalità.
Il-prijoritajiet ta’ FinanceMalta għax-xhur li ġejjin jibqgħu ffukati fuq t-tisħiħ tal-profil internazzjonali ta’ Malta, l-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali u l-għoti ta’ appoġġ għal ambjent regolatorju u fiskali li huwa kompetittiv u fl-istess ħin jirrispondi għal żviluppi globali.
Ir-rapport annwali 2024 huwa disponibbli fuq https://financemalta.org/publications
//= $special ?>