Internazzjonali

It-Turkija: Mistenni l-ħelsien ta’ aktar priġunieri wara t-taħditiet bejn ir-Russi u l-Ukreni

epa09863213 A handout photo made available by the press service of the Russian Ministry for Civil Defence, Emergencies and Elimination of Consequences of Natural Disasters (EMERCOM of Russia) shows the site of a fire at the oil depot in the city of Belgorod, Russia, 01 April 2022. According to the Belgorod Region Governor, the fire at the oil depot was caused by an Ukrainian airstrike. EPA-EFE/EMERCOM OF RUSSIA PRESS SERVICE / HANDOUT MANDATORY CREDIT/BEST QUALITY AVAILABLE HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

Id-delegazzjonijiet tar-Russja u l-Ukrajna kkonkludew tieni rawnd ta’ taħditiet għall-paċi waqt laqgħa oħra f’Istanbul, fit-Turkija.

U bħalma l-ewwel rawnd tat-taħditiet ma wassalx għal żblokk sinifikanti jew ‘storiku’, it-taħditiet ġodda lanqas ma produċew żvilupp li kapaċi jqarreb il-konflitt tal-Ukrajna lejn konklużjoni.

Fl-ewwel rawnd tat-taħditiet bejn id-delegazzjonijiet (u li kien sar ix-xahar li għadda) ir-Russja u l-Ukrajna kienu qablu dwar l-iskambju ta’ mijiet ta’ priġunieri tal-gwerra. U fl-aħħar sigħat, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li qed jistenna ‘skambju simili ta’ priġunieri fis-sigħat u l-jiem li ġejjin’. Dan bħala l-unika ħaġa pożittiva li għandha tirriżulta mil-laqgħat konklużi.

L-aħħar taħditiet f’Istanbul saru fi klima ta’ tensjoni akuta wara li l-Ukrajna, nhar il-Ħadd, wettqet l-akbar attakk bid-drones fuq ir-Russja għaż-żmien kollu li ilu għaddej il-konflitt. Attakk li fih inqerdu l-għexieren tal-bombers tal-qawwiet tal-ajru Russi u li seħħ b’reazzjoni għall-attakki intensivi li r-Russi, fi tmiem il-ġimgħa, kienu wettqu fuq Kiev u bliet ewlenin oħra tal-Ukrajna.

Il-President Zelensky – li fl-aħħar sigħat attenda summit mal-Alleati fil-Litwanja – qal li nuqqas ta’ riżultati konkreti mid-djalogu f’Istanbul għandu  jwassal għal sanzjonijiet ‘akbar u aktar effettivi’ għall-Kremlin u għal Vladimir Putin.

L-osservaturi jemmnu wkoll li r-Russi ‘bilfors’ li qed ikollhom  jieħdu sehem fl-inizjattivi diplomatiċi biex jevitaw ‘konfrontazzjoni’ mal-President Amerikan, Donald Trump. Dan meta l-Istati Uniti ilha l-aħħar ġimgħat tilgħab ir-rwol ta’ medjatur bit-tama li tieqaf il-gwerra fl-Ukrajna u bi Trump, riċentement, jikkritika lil Vladimir Putin għall-attakki bla heda fuq l-artijiet Ukreni u ‘d-dmija eċċessiva fost il-poplu’.

Sadanittant, hemm ukoll żvilupp pożittiv għall-Ukrajna permezz ta’ stqarrija konġunta li segwiet is-summit ta’ Vilnius (fil-Litwanja) li sar bil-parteċipazzjoni tal-Mexxejja tal-Istati Nordiċi u tal-Lvant imsieħba man-NATO.

Din l-istqarrija – firmata mill-Presidenti tal-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija – tirrepeti l-kundanna għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.

L-istqarrija tisħaq li ‘dawn il-pajjiżi jappoġġjaw id-deċiżjoni u l-impenn tal-Alleati rigward it-triq irriversibbli tal-Ukrajna lejn l-integrazzjoni totali fl-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Atlantiku. Integrazzjoni li fost oħrajn tinkludi s-sħubija fin-NATO.

It-tmexxija tal-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija qed jinsistu wkoll li l-Ukrajna għandha d-dritt biex tagħżel l-arranġamenti tagħha għas-sigurtà waqt li tiddeċiedi l-futur tagħha – ‘ħielsa mill-indħil barrani’. Dan meta r-Russja ilha s-snin tiddikjara li bl-ebda mod mhi se taċċetta li l-Ukrajna ssir membru sħiħ tal-Alleanza tal-Punent (in-NATO) jew li l-istess Alleanza tkompli tavviċina l-artijiet tar-Russi.