Il-qasam tas-saħħa f’pajjiżna jinsab f’emerġenza u qed jersaq lejn kollass ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Il-Partit Laburista fl-2012 kien qalilna li Mater Dei kien zgħir wisq. Illum, 12-il sena wara u b’popolazzjoni ferm akbar, dan qed jixpakka u l-Gvern mhu qed jagħmel xejn biex isolvi din il-kriżi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Stephen Spiteri u x-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo, illum saħqu li s-sistema tas-saħħa pubblika waslet f’punt kritiku, b’Mater Dei u ċentri tas-saħħa oħra qed jogħtru bil-volum ta’ pazjenti li qed jirrikorru għall-kura kuljum.
Huma kkwotaw statistika li turi kif fl-2024 id-dħul ta’ pazjenti fl-Isptar Mater Dei laħaq rekord ta’ 104,886 li jfisser żieda ta’ 57% mill-ftuħ tiegħu fl-2008 meta laqa’ 66,742 pazjent.
Meta wieħed iqis li fl-aħħar snin il-popolazzjoni żdiedet b’140,000 huwa naturali li l-pressjoni fuq kull qasam, inkluż dak tas-saħħa, kibret bil-kbir. Steward u Vitals ħallewna biss bi sptarijiet fuq pjanti u sptarijiet ikkundannati, u ħallew lill-Maltin u l-Għawdxin jiffaċċjaw kriżi fis-saħħa.
Din iż-żieda qawwija qed twassal biex ta’ kuljum pazjenti qed jitpoġġew fil-kurituri, f’canteens u fi spazji li qatt ma kienu maħsuba għall-pazjenti, b’faċilitajiet li mhumiex tal-istandard li wieħed jistenna mill-isptar ġenerali tagħna. Dan hu xhieda ċara ta’ sptar li mhux qed ilaħħaq.
Stephen Spiteri fakkar li bejn l-2008 u l-2012, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, l-admissions kienu telgħu b’mod gradwali tul is-snin u nħolqu l-pedamenti għal sistema aktar sostenibbli. Dak li l-PN bena b’viżjoni u mmaniġġjar responsabbli, il-Gvern Laburista kissru b’nuqqas ta’ ppjanar, b’nuqqas ta’ ħila li jindirizza s-sitwazzjoni u bi skandli ta’ korruzzjoni.
Hu saħaq li pajjiżna ma għadux ta’ sptar wieħed u li jeħtieġ investiment immedjat biex il-pazjent ikollu kura ta’ kwalità.

Ian Vassallo qal li l-kriżi li teżisti f’Mater Dei teżisti wkoll fiċ-ċentri tas-saħħa b’listi twal ta’ stennija għax mhux ilaħħqu mad-domanda. Fakkar li hemm ċentri tas-saħħa weqfin bħal dak tar-Rabat, parti minn dak tal-Floriana u ċ-Ċentru Vincent Moran li baqa’ magħluq. Hu tenna li jistenna li wara li l-Gvern Laburista għażel li jarmi l-pjan tiegħu stess għal sptar tas-saħħa mentali ġdid, issa għandu jara li fil-binja l-ġdida li se ssir fuq Mater Dei jinbnew swali ġodda ta’ kwalità għall-kura speċjalizzata fis-saħħa mentali.

Adrian Delia fisser kif il-kriżi fis-saħħa tinsab mifruxa fuq il-pajjiż kollu. Fit-Tramuntana għandna ċentru li mhux se jsir. U f’Għawdex il-Gvern qalilna li rridu nistennew disa’ snin għal sptar ġdid. Fiċ-ċentru ta’ Malta għandna l-Isptar Karen Grech u ċ-ċentru tas-Saħħa tal-Floriana li t-tnejn huma kkundannati. Fin-Nofsinhar qatgħu ż-żigarella ta’ ċentru tas-saħħa ġdid li suppost ilu s-snin li beda jopera u sal-lum għadu bil-bibien magħluqa.

Fi 12-il sena tberbqu €400 miljun, il-popolazzjoni splodiet b’140,000 persuna u spiċċajna b’inqas ċentri tas-saħħa minn qabel.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Ministers fakkru fil-proposti konkreti li għandu l-Partit Nazzjonalista biex jissaħħaħ is-settur tas-saħħa:
- Investiment ġdid f’St Luke’s biex jiżdiedu s-sodod u ma jibqgħux pazjenti fil-kurituri f’Mater Dei
- Ċentri tas-saħħa li jaħdmu verament, inkluż Hubs fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar
- Sptar ġenerali ġdid f’Għawdex
- Tisħiħ serju fil-kura primarja biex jitnaqqas il-piż minn fuq il-kura sekondarja
- Investiment serju f’Public-Private Partnerships
- Apparat modern u mediċini disponibbli fuq bażi regolari
- Kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tas-saħħa biex jiġu attirati aktar professjonisti
- Investiment fis-saħħa mentali, inkluż sptar mentali ġdid
- Tabib tal-familja bla ħlas għall-anzjani u l-pensjonanti
- Mediċini tal-kanċer li jkunu disponibbli mill-ispiżeriji tal-Gvern u l-POYC flok mill-Malta Community Chest Fund
- Titjib fis-servizz tal-ambulatory chemotherapy
- Tisħiħ fis-servizzi u l-kura paljattiva
- Walk-in clinic għall-pazjenti tal-kanċer biex ma jitħalltux ma’ pazjenti oħra ħalli ma jkunux esposti għal mard ieħor
- Investiment serju fil-mediċini innovattivi.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista temmew jgħidu li l-Gvern mhux qed jindirizza l-bżonnijiet veri tal-pazjenti.
Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista għandu pjan realistiku, b’viżjoni serja u li jpoġġi l-pazjent fiċ-ċentru tas-sistema tas-saħħa.
//= $special ?>