Lokali Parlament

Il-Pulizija mhix tieħu passi fil-konfront ta’ persuni li jilbsu lbies tal-baħar fit-toroq

Il-Korp tal-Pulizija mhux qed tieħu passi fil-konfront ta’ persuni li jinstabu lebsin ilbies tal-baħar fit-toroq madwar Malta u Għawdex.

Dan ikkonfermah il-Ministru Byron Camilleri fil-Parlament għal mistoqsija li ressqet id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea li staqsiet jekk il-Pulizija hux qed tieħu passi fil-konfront ta’ persuni li jinstabu lebsin ilbies tal-baħar fit-toroq madwar Malta u Għawdex, u jekk iva, x’passi qed jittieħdu, u wkoll kif qed jiġi assigurat li l-liġijiet dwar id-deċenza pubblika qed jiġu osservati?

Il-Ministru responsabbli mill-Pulizija qal li l-Korp jiffoka aktar fuq dak li hu core police duties u qal li lanqas jemmen li l-Korp tal-Pulizija għandu jservi ta’ morality police.

Meta l-istess Deputata Nazzjonalista staqsiet, f’mistoqsija oħra, lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol jgħid kemm-il każ kien hemm fejn il-Pulizija kellha tintervjeni minħabba l-preżenza ta’ persuni bla ħwejjeġ f’postijiet pubbliċi, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari, il-Ministru wieġeb fil-Parlament li dak li qed tistaqsi dwaru jorbot ma’ ksur tal-Artiklu 338(q) tal-Kap 9 tal-Ligijiet ta’ Malta, u li f’dan il-perjodu kien hemm 29 kontravenzjoni.