Lokali

Jirreżenja l-kunsillier Laburista Justin Haber mill-Kunsill Lokali tal-Furjana

Il-Kunsillier Laburista Justin Haber irreżenja minn kunsillier fil-Kunsill Lokali tal-Furjana.

Wara li nstab ħati li hedded lil oħtu fl-aħħar jiem, Justin Haber għażel li jixħet ir-reżenja mill-Kunsill Lokali tal-Furjana.

Huwa ddikjara dan permezz ta’ post fuq il-midja soċjali tiegħu.

Fl-aħħar sigħat kien ukoll żvelat mill-Malta Today, illi l-Partit Laburista kien mgħarraf b’każ ieħor kriminali pendenti fil-konfront ta’ Justin Haber, każ li minħabba digriet tal-Qorti d-dettalji dwaru ma jistgħux jixxandru.

Id-dettalji tal-każ li nstab ħati tiegħu

Justin Haber, goalkeeper veteran u Kunsillier Laburista, instab ħati li hedded lil oħtu Pearl Vella Haber nhar is-27 ta’ Mejju.

Il-każ imur lura għat-8 ta’ Jannar ta’ din is-sena, meta Haber, bagħat voice recording jheddida li se jkun qed “jaqtgħalha’ rasha”.

Kienet għal din ir-raġuni li oħtu Pearl irrappurtatu lill-Pulizija, fejn ittieħdu l-passi kontrih. Haber kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fil-Qorti, fejn inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur oħrtu valida għal sena.