Opinjoni

OPINJONI: Ħidma favur pajjiżna

mid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut
Ix-Shadow Minister għat-Trasport

Kburi li ftit tal-jiem ilu servejt biex tnieda proġett ta’ kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Benevento li jista’ jagħti aktar opportunitajiet ta’ riċerka lill-istudenti u l-akkademiċi Maltin biex inżidu l-effiċjenza u s-sostennibbiltà fl-industrija.

F’Ottubru 2023 kont attendejt laqgħa interparlamentari tal-EUFORES li hi organizzazzjoni Ewropea li taħdem ma’ politiċi biex tqajjem kwistjonijiet marbuta ma’ enerġija sostenibbli u l-effiċjenza fl-enerġija.
F’din il-laqgħa kienet saret preżentazzjoni minn Elvira Rakova, li hi Riċerkatriċi mill-Università ta’ Benevento. Din ir-riċerka kienet iffukata dwar l-effiċjenza ta’ sistemi ta’ arja kompressata li jintużaw fl-industrija.

Kont irrealizzajt li kien hemm ħafna xogħol simili għal proġett ta’ riċerka li kont rajt l-Università ta’ Malta meta żort l-esebizzjoni tal-proġetti tal-aħħar sena tal-kors tal-Inġinerija, u kkuntattjajt minnufih lil Prof Inġ Paul Refalo biex nistabilixxi kuntatt bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet akkademiċi.

Dejjem emmint fil-politika tar-riżultati, u ta’ ħidma favur Malta. U hekk qed nagħmel anke mill-Oppożizzjoni.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1  ta’ Ġunju, 2025.