Opinjoni

OPINJONI: Irid ikollok wiċċek tassew infurrat…

Il-kitba ta’ Owen Bonnici fuq Facebook dwar ir-restwar tal-Forti Sant Iermu. Ir-ritratti l-oħra f’din il-paġna jinsabu, flimkien ma’ oħrajn, fid-dokument tal-UE bit-titlu: FONDI.eu Fort St. Elmo
Jiddandan bir-restawr tal-Forti Sant’Iermu meta fil-fatt sabu kollox lest mill-Gvern Nazzjonalista

minn Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument

Bejn Awwissu u Settembru 2016, kont ktibt serje ta’ artikli f’din il-gazzetta, bit-titlu “Il-proġetti ‘Nazzjonalisti’ inawgurati mill-Gvern Laburista”. Din is-sensiela ta’ artikli – wieħed kuljum – damet sejra kważi xahar u nofs tant kemm kien hemm proġetti.

Dik is-sensiela kont ħassejt li kelli nirriċerkaha u niktibha għaliex il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien ġmielu għaddej jaqta’ ż-żigarelli ta’ dawn il-proġetti, li ħafna minnhom kienu għoddhom lesti meta spiċċa l-Gvern tal-PN, mingħajr ma jagħti lanqas l-iċken krettu lil min ħoloqhom u wellidhom.

Kont naħseb li għall-inqas issa wara dawn is-snin kollha, il-Labour kien irrealizza li isbaħ mill-ġenwinità m’hawnx u, allura, jibda jagħti mqar l-iċken krettu lill-predeċessuri tiegħu li ħejjewlhom dawk il-proġetti kollha fuq platt tad-deheb. Iżda le. Kont żbaljat.

Fit-8 ta’ Mejju li għadda, il-Ministru Owen Bonnici kiteb post fil-paġna tiegħu ta’ Facebook, biex jiddandan bl-għaxar anniversarju meta Joseph Muscat, Ian Borg, Joe Mizzi u hu, “ftaħna mill-ġdid Sant’Iermu hekk kif lestejna proġett estensiv ta’ restawr b’fondi Ewropej”.

Iżda l-qofol tal-assurdità ntlaħaq meta Owen Bonnici kiteb: “Proġett ta’ restawr, taħt il-gwida tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, li reġa’ ta ħajja lil dan is-sit mill-isbaħ.”

Naturalment, f’dik is-sensiela ta’ artikli, kont ktibt b’mod estensiv dwar dan il-famuż proġett ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-Forti Sant’Iermu. Wara dak li kiteb Owen Bonnici rġajt ħassejt il-ħtieġa li nagħtihom il-fatti veri ta’ dak il-proġett u  kif seħħew.

■ Fl-2006, il-Kabinett Nazzjonalista  ta’ Lawrence Gonzi ħatar kumitat intern ministerjali għat-twettiq ta’ proġetti nazzjonali. Dan il-kumitat inkariga lill-MIMCOL tagħmillu rapport dwar x’kellha tkun il-viżjoni tal-Gvern għall-inħawi  tal-Port il-Kbir.

■ F’Awwissu 2007, il-Kabinett ħatar il-Grand Harbour Regeneration Corporation biex twettaq 20 proġett maġġuri fl-inħawi tal-Port il-Kbir.

■ Fi Frar 2009 il-Ministru Austin Gatt ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-parti ta’ fuq tal-Forti Sant’Iermu.

■ F’Jannar 2010 saret talba formali lil-ERDF tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna finanzjarja għal dan il-proġett – talba li kienet approvata. L-UE qablet li tagħti b’kemm jiswew 85 fil-mija tal-fondi meħtieġa… u dawn kienu jammontaw għal €15.5 miljun.

■ Ix-xogħol fuq il-proġett beda kmieni fl-2012. Dan kien jikkonsisti fit-tisbiħ, ir-restawr u r-riabilitazzjoni tal-parti ta’ fuq tal-Forti, ir-restawr ta’ bini storiku u strutturi oħrajn fil-Forti, flimkien ma’ mogħdija madwar is-swar ta’ ’l fuq minn 8,000 metru kwadru u li qabel ma kienx disponsibbli għall-pubbliku.

F’dan ix-xogħol kollu, il-Gvern kien għamel użu estensiv mill-kompetenzi tal-istoriku fuq Stephen Spiteri, awtorità dwar il-fortifikazzjonjiet u li kien strumentali biex ‘instab’ ħajt li kien jifforma parti mill-fortizza oriġinali u li kien jagħti għal mina li minnha kienu jitwasslu ikel u munizzjon b’mod klandestin, fi żmien l-Assedju l-Kbir tal-1565.

■ F’Marzu 2013 meta nbidel il-Gvern, ix-xogħol kien diġà fi stadju avvanzat. Il-proġett kien inawgurat fit-8 ta’ Mejju 2015, mill-PM Joseph Muscat.

Din l-iskeda ta’ kif żvolġa dan il-proġett kbir turi bl-aktar mod ċar kif kien Gvern Nazzjonalista li għamel l-istrutturi meħtieġa, beda l-istudji dettaljati li proġett bħal dan jirrikjedi, għamel b’suċċess it-talba għal fondi mill-UE, beda x-xogħol fiżiku, u kien laħaq għamel parti sostanzjali mill-proġett.

Kulħadd jaf jippoppa minn fuq dahar ħaddieħor, bħalma għamel Owen Bonnici, l-aktar meta qal li l-proġett ta’ restawr kien “taħt il-gwida tal-Prim Ministru Joseph Muscat”.

Tassew irid ikollok wiċċek infurrat biex tistqarr xi ħaġa bħal dik!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 2 ta’ Ġunju, 2025.