minn Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali Partit Nazzjonalista
Matul il-ġurnata tal-lum mid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed tittella’ edizzjoni oħra ta’ Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-ħidma li qiegħed iwettaq il-Partit Nazzjonalista.
Din hi maratona oħra ferm importanti u kull kontribuzzjoni tkompli tgħin fl-impenn tal-Partit Nazzjonalista li ta’ kuljum irid jissielet kontra Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela li jaċċella fit-wassil ta’ politika mibnija fuq l-ingann.
Il-Partit Laburista għandu vantaġġ kbir fuq il-Partit Nazzjonalista għaliex illum il-ġurnata ħataf ħafna mill-mezzi tax-xandir u l-midja. Lil hinn mill-fatt li għandu l-istazzjonijiet tiegħu, il-Partit Laburista, għaliex hu fil-Gvern u ma jafx aħjar, ħataf l-istazzjon nazzjonali u jagħmel minnu stazzjon li minnu jwassal il-propaganda u n-narrattiva tiegħu.
Il-Partit Laburista m’għandu l-ebda problema ta’ finanzi u għaliex hu u l-Gvern Laburista huma ħaġa waħda, allura jibbenefika minn flus il-poplu biex iwassal il-kampanji tiegħu… waħda wara l-oħra b’infiq ta’ flejjes kbar u bla skrupli ta’ xejn.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jiffaċċja dawn l-isfidi kollha għaliex m’għandux il-lussu li għandu l-Partit Laburista li għaliex ma jafx fejn hi deċenza, allura jħallat u jaqsam mal-Gvern Laburista biex iwassal il-messaġġi tiegħu.
Madankollu l-Partit Nazzjonalista ma jaqtax qalbu. Ikompli jaħdem qatigħ u għall-okkażjoni tal-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-ħidma li jwettaq jistieden lill-Maltin u lill-Għawdxin biex jgħinuna bl-aħjar mod li jista’. Kull donazzjoni hi apprezzata ħafna.
Il-Partit Nazzjonalista jaf li dawn huma żminijiet diffiċli u iebsa għall-familji Maltin u Għawdxin li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sensiela ta’ problemi, iżda jemmen ukoll fil-fiduċja tal-poplu Malti fil-Partit Nazzjonalista li jrid ikompli jaħdem u jistinka biex mhux biss ikun gvern alternattiv b’saħħtu, imma biex darba nkunu fil-Gvern nagħtu direzzjoni ġdida lil pajjiżna; direzzjoni lejn is-sewwa; direzzjoni fejn ikollna s-serħan tal-moħħ u kwalità ta’ ħajja ferm aħjar minn dik li qed ngħixu llum.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>