Internazzjonali

Stati Uniti: Terrur f’Colorado li qed jidher relatat mal-konflitt ta’ Gaza

Il-poplu fl-Istat ta’ Colorado jinsab fi stat ta’ xokk wara li raġel waddab diversi splussivi tat-tip Molovot cocktails lejn in-nies li kienu qed jieħdu sehem f’attivà għall-appoġġ tal-ostaġġi Iżraeljani miżmumin mill-ġellieda tal-Ħamas f’Gaza. Attakk li fih l-aggressur instama’ jgħajjat diversi drabi s-slogan favur ‘Palestina ħielsa’.

Fl-attakk indarbu tal-anqas għaxra b’etajiet li jvarjaw minn 50 sa 88 sena u bl-aġenti tal-FBI qed jirreferu għall-azzjoni bħala attakk terroristiku. Sar magħruf ukoll li l-aggressur responsabbli anki uża forma ta’ flamethrower waqt l-attakk u meta l-Pulizija sabulu diversi tipi ta’ tagħmir intiżi biex iqabbdu n-nirien.

L-inċident seħħ f’Pearl Street Mall, li hu kumpless kummerċjali popolari ftit ‘il hinn minn Denver.

Il-filmati li qed jiċċirkulaw fuq il-midja soċjali, sadanittant, qegħdin juru lis-suspettat mingħajr qmis waqt li qed jgħajjat lejn il-folla tan-nies viċin tiegħu fil-ħin meta hu nżamm taħt arrest mill-pulizija. F’idejh jidhru wkoll żewġ ‘Molotovs’ li hu, qabel, kien qed jaħseb biex iwaddabhom lejn id-dimostranti.

Id-dimostrazzjoni inkwistjoni kienet organizzata minn grupp favur Iżrael bl-isem ‘ Run for Their Lives’ u li xtaq juri solidarjetà mal-ostaġġi li ilhom ħafna xhur priġunieri tal-Ħamas.

Il-pulizija li wieġbu għall-emerġenza  fl-inħawi tal-Mall sabu diversi midruba mixħutin mal-art u li wħud kellhom sinjali ovvji ħafna ta’ ħruq ma’ ġisimhom.

L-attakk, intant, qed jissemma bħala t-tieni każ ta’ aggressjoni ta’ profil għoli fl-Istati Uiniti u li jidher relatat mal-konflitt ta’ Gaza.

Dan wara li raġel, fit-22 ta’ Mejju, kien spara u qatel żewġ impjegati mal-Ambaxxata Iżraeljana f’Washington, ftit wara li l-vittmi kienu attendew għall-avveniment ta’ organizzazzjoni mmexxija mil-Lhud fil-kapitali.