“Jitwemmen Vince Muscat “Il-Koħħu” meta rrisponda domanda tal-Avukat Amadeus Cuschieri fejn wieġeb li ma jiftakarx li fil-passat l-avukat tiegħu kien il-Prim Ministru Robert Abela? Kemm hawn avukati li saru Prim Ministri? Kif wieħed jista’ jinsa fatt bħal dan? U jekk xi ħadd l-Avukat li kien jinqeda bih sar Prim Ministru, suppost għandu jkun kburi bis-sitwazzjoni – imma għax xi raġuni Muscat qal li ma jiftakarx.”
Wara li fis-sessjoni tas-Sibt li għadda d-difiża bdiet tagħmel il-kontro-replika tagħha din kompliet it-Tnejn bl-avukat Leslie Cuschieri, li qed jassisti lil George Degiorgio ikompli bid-difiża tiegħu. Huwa fakkar lill-ġurati li l-klijent tiegħu għandu x’jaqsam biss f’dan il-ġuri fejn jidħol l-Avukat Carmel Chircop, li nzerta wkoll kien ħabib tiegħu (tal-avukat) u ħa xokk kbir meta sema’ bil-każ.
Il-ġuri issa daħal fl-34 jum tiegħu u li dan ilu għaddej sa mill-24 ta’ April li għadda bil-provi jinstemgħu b’mod regolari bejn it-Tnejn u s-Sibt. Fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.
L-Avukat Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.
Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
L-Avukat Cuschieri qal li filwaqt li l-AĠ qal li l-provi jridu jkunu lil hinn minn kull dubju raġonevoli, id-difensur sostna li dan huwa minnu, iżda jridu jkunu fil-konfront tal-akkużati. Tenna li filwaqt li fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia nġibu diversi provi, l-provi fil-każ tal-Avukat Chircop kienu fjakki mmens.
“Ma nistgħux inkunu moħħna mistrieħ fl-investigazzjonijiet li saru, dik li l-erba’ akkużati kienu nvoluti. Saru ħafna investigazzjonijiet ta’ malajr fejn fil-qtil ta’ Chircop iffukajna biss fuq il-karozza Toyota Ractis, u dan meta daħlu u ħarġu diversi karozzi oħra fil-kumpless tal-garaxxijiet fejn sar il-qtil,” qal l-Avukat difensur.
Saħaq li lanqas ma sar tqabbil tad-DNA mas-sigarett li ngħad li kien ta’ Degiorgio. Kienet investigazzjoni daqs passatur imkisser. L-investigaturi wieħed jista’ jgħid qagħdu fuq dak li qaltilhom il-mara tal-Avukat Chircop. Tenna li min ħareġ mill-garaxx seta’ kienu hu l-qattiel u seta’ wkoll li dak il-ħin kien għadu fil-garaxx. Tenna li ħarġet karozza dak il-ħin u tal-ambullanza li waslet fuq il-post resqitilha biex tgħaddi. “Dik investigazzjoni”, qal Cuschieri.
Kompla li l-investigaturi sabu refuġu fi bniedem li ried isalva ġildu. Dan b’referenza għal Vincent Muscat. Kieku l-investigazzjoni saret sew, ma kienx ikun hemm għalfejn li wieħed joqgħod fuq ix-xhieda tiegħu. “Igglorifikajnih lil Muscat, din hija s-sitwazzjoni,” qal l-Avukat Cuschieri.
L-avukat difensur qal ukoll li huwa rrefera għal “Koħħu” bħala San Vince għax hu ried ibellagħha lil kulħadd li kkonverta. L-ewwel qatel lil Chircop u wara li Caruana Galizia u issa qed jgħid li ddispjaċih. “Temmnuh lil Muscat? Jien ma nemmnux”, tenna l-Avukat ta’ Degiorgio.
Sostna li Muscat qal ħafna ineżatezzi. Jista’ jkun wkoll li nesa xi dettalji, din hija normali. Imma gideb ħafna ukoll. Hawn huwa għamel aċċenn lill-ġurati fuq meta Dr. Cachia staqsa lil Vince Muscat jekk kellux lill-Prim Ministru Robert Abela bħala avukat tiegħu.
Tenna li b’sorpriża li ma titwemminx qal li ma jiftakarx. “Kemm hawn avukati li saru Prim Ministri? Għaliex ma qalx iva jew le. Suppost ikun ta’ unur li l-avukat li kellek ikun sar Prim Ministru. Huwa staqsa lill-prosekutur Vella jekk jemminx li l-Koħħu qalx il-verità hawn.
“Jekk wieħed jigdeb fuq xi ħaġa żgħira, aħseb u ara fuq xi ħaġa kbira – biex imbagħad il-prosekuzzjoni f’dan il-ġuri qiesuh bħala eroj.”
Cuschieri qal ukoll li Muscat semma biss l-arma AK47 b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop wara li xehed fl-inkjesta maġisterjali fl-2021. Il-maġistrat kien staqsa speċifikament dwar l-armi, u sabha diffiċli biex jemmen li t-tliet irġiel – Vince Muscat, George Degiorgio u Jamie Vella kellhom biss żewġ pistoli fuqhom fil-ħin tal-qtil.
Għall-ewwel, Muscat qal li kien biss revolver u pistola. Kien biss wara din l-interazzjoni li semma l-AK47 miżmum fis-seat ta’ wara tal-karozza f’każ li l-affarijiet imorru ħażin.
“Muscat, espert fil-gideb u l-manipulazzjoni, ħass li kellu jibdel il-verżjoni tiegħu ta’ dak li seħħ biex jagħmel l-affarijiet aktar kredibbli.” Cuschieri spjega lill-ġurati xi tfisser li tikkorrobora informazzjoni. “Jekk ngħid li x-xemx ħarġet, dak hu biss dak li qed ngħid. Jekk persuna oħra li ma tafnix tgħid li hemm xemx barra, allura dan jikkorrobora dak li għidt. Nista’ wkoll nuża l-mowbajl tiegħi biex nieħu ritratt u nurik li x-xemx ħarġet.” sostna Cuschieri.
Huwa rrimarka li, skont il-liġi, ix-xhieda ta’ xhud m’għandhiex għalfejn tiġi kkorroborata jekk dak ix-xhud ikun kredibbli. Huwa jinsisti fuq il-kredibbiltà. L-Avukat Cuschieri kompla jattakka l-kreddibilità ta’ Muscat fuq nformazzjoni oħra li l-pulizija qalet li tikkorrobora x-xhieda ta’ Muscat hija li mart Chircop qalet lill-pulizija li Chircop kien iqatta’ ħafna ħin f’kafetterija fin-Naxxar, u li t-tnejn li huma kienu jmorru jieklu f’ristorant ġewwa l-Birgu. Muscat semma dawn iż-żewġ affarijiet fix-xhieda tiegħu.
Dr. Cuschieri staqsa x’inhi l-prova dwar dan kollu. Tenna li ħafna kienu jafu li Chircop kien iħobb jmur f’din il-kafetterija partikolari fin-Naxxar, li kienet popolari ħafna u kienu jmorru mijiiet ta’ persuni. Sadanittant, ix-xhieda ta’ Muscat fuq ix-xatt tal-Birgu hija wkoll nieqsa mill-verità. Skont l-avukat Cuschieri, ir-ristorant qatt ma kellu mwejjed fil-livell t’isfel ħdejn il-baħar, kif kien qal Muscat waqt il-ġuri.
L-Avukat Cuschieri irrefera għal dikjarazzjoni tal-prosekuzzjoni li rapporti forensiċi indikaw li t-tiri ġew sparati lejn Carmel Chircop minn persuna bilqiegħda f’karozza. Hawn huwa qal li l-prosekuzzjoni riedet tiskorja xi gowl li iżda jekk wieħed jarah bil-VAR, jispiċċa jitħassar.
Huwa saħaq mal-ġurati li jekk wieħed jistudja dak li qalu l-esperti, l-Brigadier Maurice Calleja u l-Perit Richard Aquilina mhuwa minnu xejn li min spara lill-vittma għamlu dan bilqiegħda min ġewwa karozza. “Allura issa? Kif wieħed jista’ jasal x’ġara eżatt? Dak li jridu jaraw il-ġurati, li Vince Muscat ma jistax jitwemmen.
Dr. Cuschieri għamel distinzjoni bejn dak li juru r-rapporti u dak li kkonkludew l-esperti maħtura mill-qorti. Qal li din id-dikjarazzjoni mill-prosekuzzjoni ġejja minn rapport miktub minn Mario Scerri, tabib forensiku magħruf u espert ukoll fil-ballistika.
Ir-rapport inkluda spjegazzjoni dwar il-feriti tad-dħul u l-ħruġ fil-ġisem ta’ Chircop iżda ma speċifikax li l-balal ġew sparati ’l fuq minn angolu baxx. “Huwa l-Avukat Ġenerali li wasal għal din il-konklużjoni, mhux l-esperti,” qal l-avukat difensur.
“Mario Scerri xehed fil-qorti dwar dan ir-rapport, fejn wera lill-ġurati u lill-bqija tal-awla xi ritratti koroh tal-proċess tal-awtopsja,” qal l-Avukat Cuschieri li akkuża lill-prosekuzzjoni li fir-replika tagħha użat dan il-fattur reġgħet uriet ir-ritratti tal-vittma bil-ballal ġewwa fih biex tħalli impressjoni fuq il-ġurati. Tenna li l-prosekuzzjoni b’dan il-mod trid tiskorja gowls li għandhom jiġu annullati.
L-Avukat Cuschieri saħaq mal-ġurati li l-evidenza ma turix li l-qtil ta’ Chircop sar minn persuna minn ġewwa karozza iżda minn xi ħadd li qam bilwieqfa. “Jekk irridu nikkonkludu li Chircop ma ġiex sparati minn persuna minn ġewwa karozza, il-konklużjoni loġika li jmiss hija li parti sostanzjali u kruċjali mix-xhieda ta’ Muscat hija falza.”
Id-dritt għas-silenzju ma jimplikax ħtija
L-Avukat Cuschieri insista li wieħed juża’ d-dritt tas-silenzju ma timplikax ħtija. Huwa argumenta li l-assunzjoni ta’ ħtija minn dan id-dritt għas-silenzju tirriżulta f’inġustizzja. tenna li min hu ħati u jiġi lliberat huwa ħażin, imma li xi ħadd jispiċċa l-ħabs fuq xi ħaġa li m’għamilx, hija ħażin daqstant, jew mhux agħar.
Qal lil ġurati biex fid-deċiżjoni tagħhom iżommu f’moħħhom li l-kuxjenza tagħhom tkun waħda ta’ serħan il-moħħ. Tenna li waqt l-investigazzjoni anke l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud f’ċertu stanzi ma kienx ċert minn Vince Muscat. “Allura se tkunu inthom li tkunu ċerti minnu? Bil-verdett tagħhom inthom se tkunu qed tgħid lil Arnaud, anke aħna qed niddubitawh”, qal l-Avukat Cuschieri.
Kompla li kollox indika li George Degiorgio ma kienx involut u li Muscat f’ħafna stanzi kien qed jigdeb. Dan ħareġ ukoll mir-riżultati xjentifiċi. Qal li wieħed ma jistax jiskarta dak li qalu l-esperti u r-rapport ballistiċi, kif għamel l-Avukat Ġenerali, biex imbagħad noqodu fuq dak li qal Vince Muscat. Tenna li mhux biss il-klijent tiegħu, imma huma l-erba’ akkużati li huma nnoċenti.
Dr. Cuschieri qal li wieħed għandu jitratta lil Muscat, bħal li kieku ma xhedx u għalhekk id-deċiżjoni ma tistax tiġi bbażata fuq persuna li l-iskop tagħha kien li titfa’ l-velenu fuq sħabu, temm jgħid l-Avukat Cuschieri.
L-Avukat Ishmael Psaila li l-aħħar xhud tad-difiża li wara nofs inhar beda jagħmel l-argumenti tiegħu. Psaila qed jiddefendi lil Jamie Vella, li huwa akkużat bil-qtil ta’ Carmel Chircop u li pprovda l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
“Se nkun iebes mal-prosekuzzjoni, imma mhux personali,” huwa qal lill-ġurati. Tenna li huwa sorpriż li l-prosekutur fuq il-każ qatta’ daqshekk ħin jipprova jikkonvinċi lill-ġurati biex jemmnu lil Vince Muscat, li fl-aħħar mill-aħħar huwa x-xhud ewlieni tagħhom.
Psaila saħaq mal-ġurati li l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għadha miftuħa. Jiftakar x’qal il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa lill-ġurnalisti waqt konferenza stampa fl-2021 dwar l-arresti konnessi ma’ dan il-każ. Ġurnalist wieħed kien staqsa jekk issemmewx xi politiċi minn Muscat waqt l-interrogazzjoni, imma l-kummissarju qal li ma kien hemm l-ebda prova.
Isemmi d-dritt għall-iżvelar, li jirreferi għal informazzjoni dwar x’wassal għall-mandat ta’ arrest. Huwa qal li l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fuq il-każ, kien iġġudika lil Vella talli daħak waqt l-interrogazzjoni. “Ma kienx qed jidħak għax il-qtil huwa umoristiku imma għax il-każ ma kienx jagħmel sens għalih,” qal Dr. Psaila.
Dr. Psaila qal li l-Ewropa kollha kienet waqfet issegwi il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Snin wara, il-prosekuzzjoni qed tagħmel argumenti bla bażi minkejja li ġabet Malta l-FBI u esperti barranin fuq il-każ.
“Hekk għandha ssir il-ġustizzja? Ma taħsibx li ċerti mistoqsijiet jistħoqqilhom tweġiba f’dan l-istadju tal-proċedimenti?” L-Avukat Psaila semma l-maħfra ta’ Vince Muscat. “Din mhix biss ritratt jew dokument jew CD. Dan id-dokument huwa ffirmat mill-president f’isem ir-Repubblika ta’ Malta fuq rakkomandazzjoni tal-kabinett wara li ħa parir mill-avukat ġenerali u l-pulizija,” sostna l-avukat difensur.
Dr. Psaila semma l-“lista ta’ kontroll għall-ġurati” (għodda użata mill-avukati u l-imħallfin biex jiżguraw għażla ġusta u imparzjali tal-ġurati għal proċess) li l-prosekuzzjoni rreferiet għaliha fir-replika tagħha. Huma kienu qalu lill-ġurati biex jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq serje ta’ mistoqsijiet.
“Din il-lista ta’ kontroll kellha tintuża mill-pulizija fi Frar 2021 qabel ma arrestat lil dawn l-erba’ rġiel u qabel ma taw maħfra presidenzjali lil Vince Muscat,” kompla jgħid Psaila. Huwa qabbel l-investigazzjonijiet dwar iż-żewġ omiċidji, kif għamlu l-avukati difensuri l-oħra.
Tenna li minkejja diversi attakki bil-bombi fis-snin ta’ qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-ebda espert barrani ma ġie miġjub biex jinvestigahom. Wara għadda biex jirreferi għal rapport miktub mill-Brigadier Jeffrey Curmi dwar l-attakki bil-bombi. F’dan ir-rapport, Curmi identifika xejra fost l-attakki, li jissuġġerixxi li jista’ jkun hemm denominatur komuni bejniethom.
L-attakki speċifiċi msemmija minn Curmi kienu t-tliet attakki separati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia, ferew lil Romeo Bone u kellhom fil-mira lil Kevin Ellul. L-Avukat Psaila rrimarka li Bone u Ellul salvaw mill-isplużjonijiet iżda rrifjutaw li jitkellmu mal-pulizija dwar l-attakki.
Dr. Psaila jerġa’ jitfa’ l-attenzjoni fuq ix-xhieda ta’ Vince Muscat. Qal li Muscat wieġeb b’“Ma nafx” għal madwar 200 darba waqt il-kontro-eżami. “Din it-tweġiba tagħtik serħan il-moħħ fuq dawk il-mistoqsijiet?” staqsa lill-ġurati.
Huwa qal li Muscat kien qal lill-qorti taħt ġurament li qatt ma kellu arma. Madankollu, 12-il siegħa wara qal li jagħżel li ma jikkummentax. “Hija din il-verità?” Huwa jqabbel dan max-xhieda ta’ Melvin Theuma. Theuma, li ngħata wkoll maħfra presidenzjali, kien aktar ċar fix-xhieda tiegħu, saħaq Psaila.
Tenna li “Il-Koħħu” kien ilu tliet snin ipperparat għall-ġuri, imma l-ewwel ħaġa li għamel qabel il-ġuri huwa li talab li jerġa’ jara x’kien qal. Dwar il-proklama tal-Koħħu qal li din ikun fiha għadd ta’ kundizzjonijiet fuq kif u fuq xhiex għandu jixhed, u l-AĠ ma ppreżentax din il-proklama fil-Qorti bi ħsieb.
Staqsa jekk f’dan il-pajjiż Ewropew, dan huwiex il-mod kif l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet jitmexxew. Huwa rrefera għax-xhieda ta’ Muscat dwar il-lejl ta’ qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa kien xehed taħt ġurament li l-bomba nġabret minn garaxx f’Santa Venera. Madankollu, l-FBI sabet li t-telefon ċellulari ta’ Muscat li ntuża għall-qtil qatt ma deher f’Santa Venera l-lejl ta’ qabel il-qtil.
L-Avukat Psaila reġa’ għamel referenza dwar Melvin Theuma. Qal li Theuma xehed għal madwar tlett ijiem konsekuttivi. Minkejja dan, huwa wieġeb kull mistoqsija li saritlu u x-xhieda tiegħu hija appoġġjata minn recordings u screenshots.
Theuma, qalet id-difiża ta’ Jamie Vella mhux biss wieġeb bil-kalma u b’mod konsistenti għal kull mistoqsija li saritlu mid-difiża, iżda dak li l-prosekuzzjoni b’kumbinazzjoni nsiet issemmi huwa li Theuma qal li ma jafx lil Jamie Vellla u lanqas biss iltaqa’ miegħu. L-Avukat ta’ Jamie Vella mistenni jtemm ix-xhieda tiegħu it-Tlieta filgħodu u wara l-Imħallef Edwina Grima tibda tindirizza lill-ġurati.
Is-Sibt li għadda temm id-difiża tiegħu l-avukat Alfred Abela għan-nom ta’ Robert Agius fejn argumenta li “l-Avukat Ġenerali fl-aħħar minuta pprova jġegħelna nemmnu li ma kellhomx il-logs tat-telefonati u l-lokalizzazzjoni” tal-klijent tiegħu.
Huwa sostna li “Ta’ Maksar” – il-laqam tal-familja għall-aħwa Agius – kienu fil-mira u argumenta li l-prosekuzzjoni sostniet li x-xhieda ta’ Muscat kienet ikkorroborata meta ma kinitx. “Kwalunkwe dubju jiffavorixxi lill-akkużat,” enfasizza l-avukat Abela, filwaqt li żied jgħid li l-ġurati ma setgħux jimlew il-lakuni fl-investigazzjoni.
Huwa osserva li l-ġurati ma ttieħdux f’Ħaż-Żebbuġ fejn hemm il-garaxx ta’ Agius u staqsa għaliex. Imbagħad kien l-avukat Nicholas Mifsud, li qed jassisti lil Adrian Agius, li s-Sibt temm id-difiża tiegħu. Huwa argumenta li Muscat gideb dwar il-klijent tiegħu. Huwa enfasizza li Agius spiċċa biegħ il-villa tiegħu biex iħallas id-djun u ma qala’ xejn.
“L-armla ta’ Chircop, Mary Rose, ħadet €165,000 fi ftehim barra l-qorti u Adrian Agius lanqas biss ħa ċenteżmu,” argumenta Dr. Mifsud, filwaqt li żied jgħid li l-klijent tiegħu tilef kollox.
L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.
L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.