Ambjent Lokali

Viżjoni mtappna bl-asfalt: Il-proġett tat-triq il-ġdida bejn Ħaż-Żabbar u Smart City huwa inutli u distruttiv

Il-Moviment Graffitti jopponi l-bini propost ta’ triq ġdida li se tkun qed tgħaqqad lil Ħaż-Żabbar direttament ma’ Smart City. Din it-triq se twassal fi ħsara irriversibbli għar-raba’ eżistenti u għall-wirt storiku tal-inħawi bl-iskuża li ssolvi problema tat-traffiku ineżistenti.

Il-pubbliku jista’ joġġezzjona għal din l-applikazzjoni billi jibgħat email lil representations@pa.org.mt, sa nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju, u jniżżel in-numru tal-applikazzjoni PA/07004/23 fis-suġġett tal-email.

Minkejja li l-pjan oriġinali ġie rivedut, it-triq xorta se teqred 5,686 metru kwadru ta’ art agrikola — li nofsha għadha tinħadem — li jfisser ħerba tal-ekosistema lokali u aktar tnaqqir tal-ispazji ħodor u agrikoli tagħna.

It-triq se twassal ukoll għat-tneħħija ta’ 30 siġra u arbuxelli maturi, li qed jingħad li se jiġu sostitwiti b’40 speċi indiġeni ġodda. Dawn il-metodi, iżda, urewna fil-passat li ma jaħdmux: l-ekosistemi jieħdu għexieren ta’ snin biex jirkupraw. Il-bijodiversità ma tistax tiġi rrestawrata billi jinżergħu siġar ġodda. Il-qerda ta’ siġar maturi tħalli effett devastanti fuq il-ħabitats lokali u r-reżiljenza klimatika.

Barra minn hekk, din it-triq se tgħaddi minn qalb zona rikka fl-istorja u l-wirt storiku protett. Ir-rotta tal-proġett hija ta’ theddida għall-integrità storika ta’ Bieb is-Sultan, is-swar tal-Kottonera, u l-Kunvent tal-Kapuċċini u l-istrutturi skedati tal-madwar — li wħud minnhom igawdu protezzjoni ta’ Grad I u jinsabu f’Zoni ta’ Importanza Għolja tal-Pajsaġġ u Ekoloġika.

Transport Malta qed issostni li din it-triq ta’ €8 miljun hija meħtieġa biex tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku. Madankollu, il-fatti juru storja differenti. M’hemm l-ebda konġestjoni ta’ traffiku li tiġġustifika dan l-intervent. It-toroq eżistenti diġà jipprovdu aċċess adegwat mingħajr ma jeqirdu l-art agrikola jew il-kuntest storiku tal-inħawi. Il-ġustifikazzjoni tal-Gvern — jiġifieri li huwa obbligat b’kuntratt li jibni din it-triq bħala parti mill-ftehim ta’ Smart City — tixhed falliment fil-kapaċità tal-Gvern li jirrispondi għall-bżonnijiet attwali tal-pajjiż. Kuntratti li jirriflettu l-passat m’għandhomx jitħallew jiddettaw żviluppi ta’ ħsara li jmorru kontra r-realtajiet ambjentali u l-interessi nazzjonali tal-lum il-ġurnata. Aħna nappellaw b’mod urġenti lill-awtoritajiet biex jikkunsidraw dan il-proġett mill-ġdid, u mhux ikomplu jissagrifikaw l-ambjent u l-wirt tagħna biex jaqdu l-interessi spekulattivi ta’ ftit sinjuruni.

Iż-żieda ta’ karreġġjata tar-roti u oħra pedonali xorta ma tiġġustifikax in-nuqqas fundamentali tal-proġett: jiġifieri, li din it-triq mhix meħtieġa. Minflok ma jonfoq €8 miljun fuq bypass bla bżonn li se teqred ir-raba’, il-Gvern għandu jinvesti f’mobbiltà b’viżjoni li tħares lejn il-futur: trasport pubbliku li jiffunzjona, rotot sikuri taċ-ċikliżmu, u inċentivi li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-karozzi.

It-triq proposta minn Ħaż-Żabbar għal Smart City hija eżempju ta’ faqar fil-ħsieb u l-ippjanar li qed jiġi ppreżentat bħala “progress”. It-triq se teqred art agrikola li għadha tinħadem, l-integrità tal-wirt storiku u l-ambjent biex issolvi problema li ma teżistix. Il-Moviment Graffitti qed isejjaħ lill-awtoritajiet biex iwaqqfu dan il-proġett, jallinjaw il-viżjoni tagħhom mal-ħtiġijiet nazzjonali tal-lum, u jpoġġu l-ħtiġijiet reali tan-nies fuq quddiem.