Ċentri tal-childcare f’Malta qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar id-dewmien li hemm fl-iżvolġiment ta’ ftehim ġdid li suppost kellu jidħol fis-seħħ sa tmiem is-sena li għaddiet. L-Assoċjazzjoni tal-Providers taċ-Childcare flimkien mal-Kamra tal-SMEs – li flimkien jirrappreżentaw aktar minn 80% tal-operaturi f’dan is-settur – qalu li l-proċess ilu wieqaf u dan qed joħloq inċertezza serja.
Fi stqarrijja maħruga miċ-Chamber of SMEs, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Providers taċ-Childcare, Simon Zammit, saħaq li dawn iċ-ċentri jeħtieġu urġentement qafas legali u finanzjarju aġġornat biex ikunu jistgħu jkomplu joffru servizz ta’ kwalità li jmur id f’id mal-bżonnijiet edukattivi ta’ pajjiżna. Huwa qal li minkejja li l-Gvern fetaħ diskussjonijiet magħhom, s’issa ma ġie ppreżentat ebda proposta konkreta fuq il-mejda – xi ħaġa li tkompli tkabbar id-diżappunt fost dawk kollha involuti.
Il-Kamra tal-SMEs qalet li tħoss l-istess frustrazzjoni u enfasizzat li l-proċess jinsab nieqes mill-enerġija li hu jixraqlu. Minkejja l-assigurazzjonijiet li dan il-ftehim hu fost il-prijoritajiet tal-Gvern, l-azzjoni ma tirriflettix dan l-impenn.
L-assoċjazzjoni u l-Kamra saħqu li huma favur is-servizz ta’ Childcare b’xejn, iżda li dan irid ikun sostenibbli u b’livell ta’ standards għoljin. Huma jfakkru li dan is-settur għandu rwol ċentrali fis-soċjetà u fl-ekonomija Maltija – jiġifieri li mingħajru ħafna ġenituri ma jkunux jistgħu jaħdmu. Għalhekk, is-servizz għandu jingħata l-appoġġ meħtieġ biex ikompli b’mod serju u realistiku.
Kemm il-CCPA kif ukoll il-Kamra tal-SMEs qed jibqgħu miftuħa għad-djalogu iżda jitolbu lill-Gvern biex jaġixxi b’urġenza u jasal għal ftehim ġust u vijabbli kemm għall-preżent kif ukoll għall-futur tas-settur.
//= $special ?>