Hu stabbilit li 90% tal-enerġija meħtieġa biex jitmexxew l-operazzjonijiet tal-kumpanija Finestral hija ġġenerata mill-pannelli solari. Barra minn hekk, kwalunkwe materjal żejjed tal-PVC li jinqata’ jiġi rriċiklat. B’hekk jonqos l-iskart u tiżdied il-kontribuzzjoni lejn ekonomija ċirkolari.
Id-Diretturi ta’ Finestral Kenneth Azzopardi u Jonathan Pace spjegaw dan waqt żjara li Miriam Dalli, il-Ministru għall-Enerġija; u Jonathan Attard, il-Ministru għar-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, għamlu għand Finestral.
Finestral hija kumpanija lokali li tipproduċi aperturi tal-PVC. Minbarra li tippromwovi s-sostenibbiltà u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mill-bini, investiet ukoll fl-operat tagħha ta’ kuljum.
Id-Diretturi ta’ Finestral Kenneth Azzopardi u Jonathan Pace spjegaw kif investew f’makkinarju aktar effiċjenti, li jikkunsmaw ferm inqas elettriku u b’ hekk komplew inaqqsu l-carbon footprint tal-operat tagħhom.
“Finestral hija kburija li qed twettaq il-missjoni tagħha li toffri soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija permezz tal-aperturi tal-PVC tagħna. Ninsabu kuntenti wkoll li ċerti skemi jkomplu jsaħħu r-rieda tar-residenti li jibdlu l-aperturi li għandhom bħalissa għall-aperturi tal-PVC. Min-naħa tagħna, nagħmlu ħilitna biex niggarantixxu prodott u servizz tal-ogħla kwalità,” qal Kenneth Azzopardi.
Il-Ministri fissru li huwa tassew inkoraġġanti li jaraw numru dejjem jikber ta’ kumpaniji Maltin li qed jadottaw il-prinċipji tas-sostenibbiltà, kemm f’dak li qed joffru bħala prodott, kif ukoll fil-prattiċi operattivi tagħhom.
Il-kumpaniji qed joħorġu b’soluzzjonijiet innovattivi għall-klijenti tagħhom filwaqt li joperaw b’mod sostenibbli. Kumpaniji li qed jagħmlu investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija u qed inaqqsu l-iskart b’mod attiv u jsaħħu l-isforzi tagħhom ta’ riċiklaġġ.
Finestral qed turi bl-fatti kif is-settur privat jista’ jkun sieħeb ewlieni fil-mixja lejn ambjent mibni aktar fuq is-sostenibbiltà u r-reżiljenza għal Malta.
Matul iż-żjara fil-Finestral, il-Ministri kienu akkumpanjati minn Abigail Cutajar, il-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority (CAA) u Roderick Bonnici, il-Kap Eżekuttiv tal-BCA.
//= $special ?>