Nhar it-Tlieta l-Kap tal-PN Bernard Grech laqa’ lill-Kumitat ta’ Ħamrun Spartans fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista – wara li għat-tielet darba konsekuttiva saru Champions tal-Kampjonat Primier ta’ din is-sena.
Bernard Grech awgura lill-President ta’ Ħamrun Spartans Joseph Portelli u s-CEO Marcelle Bonnici, flimkien mal-Kumitat kollu. Dan apparti awgurju speċjali lit-tim u l-Ħamruniżi kollha talli għal darb’oħra laħqu dan it-tragward speċjali.
Il-Kap tal-PN insista li l-investiment fil-football Malti huwa meħtieġ sabiex mhux biss ikompli joffri impjiegi u karrieri, però anke jkompli jferraħ lill-eluf kbar ta’ delettanti tal-logħba tal-football.
Min naħa tagħhom l-uffiċjali ta’ Ħamrun Spartans irringrazzjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta’ din l-istedina.
Preżenti kien hemm ukoll id-deputati Darren Carabott u Paula Mifsud Bonnici flimkien mas-Segretarju Oraganizzativ Stefan Caruana, flimkien ma’ rapprezentanza mill-fergħa sportiva tal-PN Team sports. Preżenti wkoll kien hemm il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Ħamrun Jean Carl Ciscaldi, Maria Baldacchino u Mario Calleja.