Is-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara għadha kif temmet mawra memorabbli fi Sqallija, fil-belt pittoreska ta’ Scicli, fl-okkażjoni tal-festa storika tal-“Madonna delle Milizie”, li saret bejn il-31 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju.
Din kienet is-sitt mawra barra minn Malta għall-Banda Karkariża, u ħabtet ukoll mal-160 anniversarju mit-twaqqif tagħha – pass ieħor ta’ kburija u prestiġju għall-ewwel Banda mwaqqfa f’Birkirkara. Il-Banda kienet taħt id-direzzjoni tal-Assistent Surmast Direttur Mro Neville Pace.
Matul il-mawra, il-Banda wettqet tliet servizzi mużikali, fejn ħadmet biex twassal il-kultura u t-tradizzjonijiet sbieħ tal-festi Maltin lill-poplu Sqalli. Il-Banda kienet akkumpanjata mill-Iscout Group tal-Fgura kif ukoll minn numru sabiħ ta’ partitarji u dilettanti tal-Banda.
L-ewwel servizz sar is-Sibt filgħaxija meta l-Banda, flimkien mal-Iscouts u l-banda tal-lokal, għamlet marċ fl-ibliet storiċi ta’ Scicli akkumpanjata wkoll mit-tamburisti. Il-marċ intemm fi Pjazza Italia, fejn il-Banda daqqet l-Innu Malti, dak Taljan, u l-Innu ddedikat lill-Madonna – quddiem folla numeruża u apprezzanti.
Il-Ħadd, ġew esegwiti żewġ servizzi oħra: marċ brijuż tipikament Malti filgħodu – l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip fil-festa Sqallija – u programm ta’ marċi fuq il-‘palco della musica’ fiċ-ċentru storiku ta’ Scicli filgħaxija.
Qabel dan l-aħħar servizz, saret laqgħa uffiċjali u kordjali fil-Palazz tal-‘Comune di Scicli’ bejn Desirei Grech, is-Sindku ta’ Birkirkara, u s-Sindku ta’ Scicli, Mario Marino. Din il-laqgħa kienet mument sinifikanti li ssarrfet f’diskorsi ta’ rispett reċiproku u skambju ta’ rigali simboliċi bħala ġest ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni kulturali. Preżenti wkoll kienu Anthony Gatt, President tal-Banda, u diversi uffiċjali oħra li kellhom sehem ewlieni fl-organizzazzjoni ta’ din iż-żjara.
//= $special ?>