Lokali Qorti

L-Imħallef tibda tindirizza lill-ġurati fil-ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop

Wara li d-difiża temmet l-argumenti tagħha fil-kontrorepika fil-ġuri ta’ erba’ rġiel akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop, l-Imħallef Edwina Grima bdiet tindirizza lill-ġurati qabel ma hija tibgħathom biex jiddeliberaw il-verdett.

Hija rringrazzjathom għax-xogħol tagħhom u rringrazzjat lill-familji tagħhom fejn qaltilhom kontra l-preġudizzju u joqogħdu fuq dak li semgħu fl-awla. “Intom Imħallfin bħali hawn. Intom mhux qegħdin hawn biex tiiġġudikaw lill-vittmi. Ċerta li smajtu ħafna u qrajtu ħafna fuq il-midja dwar dawn iż-żewġ omiċidji. Imma dak tridu tħalluh warajkhom, u tiddeċiedu fuq dak li smajtu fil-ġuri biss,” qalet l-Imħallef Grima.

Fil-ġuri li t-Tlieta daħal fil-35 jum tiegħu u li ilu għaddej sa mill-24 ta’ April li għadda, hemm akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.

L-Avukat Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio.

Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Sadanittant, ġurat ġie sostitwit wara li ħassu ma jiflaħx tard it-Tnejn waranofsinhar.  

L-Imħallef Edwina Grima qalet lill-ġurati dwar il-kompitu tagħhom fejn kontra s-soltu, huma jridu jiġġudikaw fuq żewġ omiċidju, prattikament żewġ ġurijiet u li wieħed m’għandux x’jaqsam mal-ieħor. Allura jrid joqogħdu b’seba’ għajnejn għal meta jaslu għall-ġudizzju tagħhom.

L-Imħallef qalet li dan huwa kompitu iebes fejn il-provi jridu jittieħdu skont il-liġi. Qalet li kull persuna hija preżunta innoċenti sakemm tiġi ġudikata, jiġifieri sal-mument li jiġi stabbilit il-verdett. Il-piż tal-provi huwa f’idejn il-prosekuzzjoni bl-akkużat m’għandu l-ebda dmir li jipprova xi ħaġa u li kull dubju għandu jmur favur l-akkużat.

L-Imħallef qalet lill-ġurati li ma jistgħux jidħlu f’affarijiet oħra, bħal ‘għaliex ma nġibx dak jew dik biex jagħtu x-xhieda tagħhom, dak mhux kompitu tagħkom” hija qalet. Fil-kors ta’ dan il-ġuri rajna diversi xhieda, dawk ordinarji kif ukoll esperti, b’dawn tal-aħħar biex jgħinu fl-investigazzjoni.

Il-Qorti qalet li mhux bilfors li wieħed irid joqgħod fuq dak li qal espert, madankollu jrid ikun hemm raġuni valida biex wieħed jagħmel dan. Sakemm ma jkunx hemm dawn il-mistoqsijiet fuq espert, wieħed ma jistax jaqbad u jinjorah.

Dwar l-istqarrijiet tal-akkużati, il-mistoqsija mhijex prova, kif lanqas mhija prova “ma nweġibx”, is-silenzju mhux prova u lanqas jekk wieħed ikun b’rasu baxxuta jew mod ieħor. Skont il-liġi, hija biss it-tweġiba li hija prova. Hija qalet ukoll li jeżistu provi diretti u dawk indiretti.

L-Imħallef Grima semmiet ukoll it-terminu ta’ prova ċirkostanzjali. L-evidenza ċirkostanzjali hija prova ta’ fatti li minnhom jistgħu jiġu inferiti fatti oħra, aktar milli jiġu ppruvati direttament. Din tiddependi fuq it-tfassil ta’ inferenzi, jiġifieri li l-evidenza tipponta lejn konklużjoni aktar milli tiddikjaraha direttament. Dan jikkuntrasta mal-evidenza diretta, li tipprova direttament fatt. Dawn iridu jkunu qed jippuntaw lejn direzzjoni waħda.

Tkellmet ukoll dwar il-katina ta’ evidenza. Wieħed irid jara jekk tali prova hijiex waħda kontaminata. Dan għandu jkun dokumentat u kronoloġiku, bħal evidenza jew prodott, mill-ġbir tiegħu sad-dispożizzjoni finali tiegħu.

Din tiżgura r-responsabbiltà u l-integrità billi tiddokumenta xi forma ta’ prova. Dan ir-rekord huwa kruċjali biex tinżamm l-ammissibbiltà legali tal-evidenza u biex tintwera l-integrità tal-proċessi. Hija qalet lill-ġurati li ma tistax tindaħlilhom kif se jiżnu l-provi, madankollu dan kollu jrid isir skont ir-regoli li tagħti l-liġi.

Dwar xhud mhux faċli li wieħed jaċċerta ruħu kif qed jiddeponi. Hawn min igerfex b’mod intenzjonali u hawn min le, għax jista’ jkun qed jinsa. Hawn fid-dawl tal-fatt tal-kredibbiltà tax-xhud. L-Imħallef qalet lill-ġurati jridu jixtarru l-kwadru kollu.

Punt tal-liġi importanti fuq ix-xhieda, il-liġi tgħid li tista’ temmen xhud f’kollox, f’biċċa jew ma temmnu f’xejn. Il-ġurati jridu jiddeċiedu x’jemmnu u jiskartaw. Ma tistax għax jekk ikun hemm stanzi fejn ma temmnux, allura tiskartawh f’kollox, għax jista’ jkun li jkun hemm xi punti veritieri. Bħal jista’ jkun li dan ikun qed jigdeb il-ħin kollu.

L-Imħallef Grima qalet li l-apparenza tista’ tqarraq. Jista’ jkun hemm xhud ilaqlaq u jkun qed jgħid il-verità kollha – bħal jista’ jkun vera li mhux qed jgħid il-verità. Bħalma jista’ ma jkollox xhud kunfidenti fix-xhieda tiegħu, imma jkun qed jigdeb u jista’ jkun li qed jgħid il-verità kollha. Dak huwa sta għall-ġurati li jridu jevalwaw.

Semmiet ukoll l-importanza tal-konsistenza fix-xhieda. Ma jridx ikun xhud li daqqa jgħid mod u daqqa jgħid mod ieħor. Tkellmet ukoll dwar il-kwistjoni tal-kolloborazzjoni, li hi xhieda li qed issaħħaħ oħra u għalhekk il-prova hija iktar b’saħħitha. Qalet ukoll li jekk hemm xhud wieħed li qed temmnu allura din hija prova b’saħħitha.

L-Imħallef qalet li jekk għandek xhud li huwa kompliċi f’każ u li tkun l-unika prova, allura din trid tittieħed b’kawtela. Jekk tkun imsaħħa bi prova oħra, allura din se tkun imsaħħa. Il-ġurati dejjem għandhom jaraw il-kwadru kollu.

Wara l-Imħallef Edwina Grima għaddiet biex titkellem dwar ix-xhieda ta’ Vince Muscat u Melvin Theuma, li t-tnejn ħadu l-proklama. Din mhijiex xi ħaġa ta’ spiss u trid tkun ġustifikata. Il-President tar-Repubblika ikollu s-setgħa li jagħti xi persuna li jkollha x’taqsam fi… jew tkun ġiet misjuba ħatja ta’ xi reat. Din tista’ tkun waħda ħielsa jew suġġetta għal xi kondizzjonijiet skont il-liġi.

L-Imħallef qalet li Thuema u Muscat għandhom ix-xabla fuq rashom li jekk ma jgħidux il-verità jispiċċaw jgħaddu proċeduri kriminali, Qalet ukoll li minkejja li għandhom ix-xabla fuq rashom, ma jifissirx li dawn bilfors qed jgħidu l-verità. Xorta l-ġurati jridu jiżnu kollox. Jista’ jkun li vera li l-interess tagħhom kien għall-proklama, imma jista’ jkun ukoll li huma qalu mis-sewwa. Dan ukoll f’idejn il-ġurati li jridu jevalwaw.

L-Imħallef Grima qalet li din hija jigsaw puzzle u li din trid tiġi bl-evalwazzjoni tax-xhieda biex imbagħad jaslu għall-istampa. Hija qalet ukoll li jekk il-kondizzjoni tal-proklama ma tkunx eżegwita, jistgħu wkoll jittieħdu proċeduri kriminali.

Hija tkellmet ukoll dwar il-patteġġament fil-liġi (plea bargaining) li ssir fuq talba tal-partijiet. Dan ikun ftehim bejn id-difiża u l-Avukat Ġenerali li jaslu għall-piena. Il-partijiet iressqu talba bil-miktub li tgħid li jekk l-akkużat jammetti tista’ tingħata din il-piena,

Din tidħol fis-seħħ jekk jaċċetta jew taċċetta l-ġudikant, għaliex trid tkun sodisfatta jekk il-piena hix waħda leġittima. Il-Qorti tingħata r-raġunijiet ukoll għaliex il-partijiet waslu għal dik il-piena. Dan dejjem iseħħ jekk il-Qorti taċċetta u li huwa ftehim ġust.

L-Imħallef wara għaddiet biex titkellem fuq il-kunċett ta’ ‘hearsay evidence’ li hija xhieda fuq kliem ħaddieħor jew evidenza ta’ xi għajdut. Dan huwa kliem u mhux fatt għalkemm jekk din tkun kollaborata, din tingħata piż, dejjem marbuta ma’ xhieda diretta. Qalet ukoll li prova li ma saritx mhijiex prova, il-ġurati mhumiex investigaturi u jridu jaħdmu biss fuq dak li semgħu fl-awla.

Tenniet li mhux kunflitt fil-provi wieħed għandu jillibera. Lil xhud li jgħid iswed tista’ ma temmnux u dak li jgħid abjad temmnu jew viċi-versa. Jekk akkużat qal xi ħaġa jew ċirkostanza ta’ prova tkun qed tiswa’ għalih biss u mhux għal oħrajn.

“Poġġu l-emozzjonijiet tagħkom fil-ġenb,” qalet l-imħallef, waqt li ħeġġithom jinjoraw kummenti bħal “fi ftit xhur jista’ jkollkom lill-akkużat bilqiegħda ħdejkom f’kafetterija” jew “immaġinaw lilkom infuskom jew lil qraba fl-iżbarra fejn hemm l-akkużati.”

“Osservazzjonijiet bħal dawn iridu jiġu injorati kompletament.” L-imħallef iggwidathom ukoll biex jinjoraw rimarki tad-difiża bħal “nies innoċenti jmorru l-ħabs” u żiedet tgħid li “aħna qegħdin hawn biex inservu l-ġustizzja. Ġustizzja skont il-liġi mhux emozzjonijiet jew biża’.”

Il-Qorti tordna t-tneħħija mill-proċess ta’ wieħed mix-xhieda

Qabel mal-Avukat Ishmael Psaila kompla bl-argumenti tiegħu għan-nom ta’ Jamie Vella, l-Imħallef Edwina Grima infurmat lill-istess avukat li ma kienx korrett u li messu jaf aħjar, huwa ġab bħala xhud tad-difiża lil Brandon Pisani, il-Kap tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Midja tal-Pulizija (CMRU). Dan għaliex dan huwa xhud inamissibbli fil-każ u dan fuq sentenza li kienet ingħatat mill-Qorti Kriminali.

Meta ġimgħa ilu Brandon Pisani ttella’ l-Qorti bħala xhud, huwa ntwera filmat ta’ konferenza stampa mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Id-difiża kienet qed tipprova tiskredita lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, għax Gafà kien qal li l-evidenza kollha nġabret, iżda Arnaud qal li l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja.

L-Imħallef Grima wkoll ġibdet widnejn il-prosekuzzjoni fejn ukoll qaltlu li messu jaf aħjar meta wkoll ipparteċipa fil-kontro-eżami tax-xhud waqt il-kontro-replika tiegħu. L-Imħallef Grima qalet li kienet qed tordna t-tneħħija tax-xhieda ta’ Brandon Pisani, u li dan il-fatt se tgħidu lill-ġurati waqt l-indirizz tagħha.

L-Avukat Ishamel Psaila kompla jiskredita lil Vince Muscat dwar ix-xhieda li ta. Huwa tkellem ukoll dwar ċertu Frans Formosa, magħruf bħala “Putatti” li dan kien suspettat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ġie mitkellem mill-Pulizija.

Tenna li dan iqajjem ħafna mistoqsijiet, persuna li kien miet fil-ħabs wara li xorob l-aċtu f’Novembru tal-2019 u meta Vince Muscat beda jitkellem mal-Pulizija. Fil-ġuri, “Il-Koħħu” kien qal li ma jafx li Formosa kien suspett fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. “Min jaf x’ġara?, staqsa l-avukat.

Tenna li fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop dak li qal Vince Muscat ma ssibx komfort fuq il-provi li ressaq l-Avukat Ġenerali, apparti li mhemmx provi forensiċi, huwa kkwota ix-xhieda ta’ koppja li joqogħdu fejn il-kumpless tal-garaxxijiet fejn inqatel l-Avukat Chircop.

Il-mara kienet qalet li fis-7am, hi u żewġha qamu minn ħoss qawwi. Qamu mis-sodda u marru dritti lejn il-bieb tal-gallarija. Żewġha tkellem fil-qosor mal-ġar tagħhom, li wkoll kien kurjuż dwar il-ħoss, iżda assumew li ma kien xejn. Żewġha mar għax-xogħol aktar tard dakinhar, waqt li hi baqgħet id-dar. Ftit wara, waslet il-Pulizija.

Hija kkonfermat li l-gallarija tinsab eżatt quddiem ir-rampa li twassal għall-garaxx. Dwar kemm damu hi u żewġha biex jaslu sal-gallarija, hija tgħid li ġara fi tlieta jew erba’ sekondi. Madankollu, ma rat lil ħadd fit-triq wara li semgħet it-tiri.

Ir-raġel kien qal li jiftakar li sema’ t-tiri dakinhar filgħodu. Huwa mar fil-gallarija biex jagħti ħarsa, iżda injoraha. Huwa ħaseb li kien ħoss normali tal-garaxx, bħal xi ħaġa li taqa’. Jgħid li żgur li sema’ tliet tiri. Jikkonferma li kellu konverżazzjoni qasira mal-ġirien dwar il-ħoss iżda mbagħad kompla bil-ġurnata tiegħu.

Jgħid li sema’ karozza tinżel b’veloċità kbira mir-rampa u barra mit-triq ftit mumenti wara li sema’ l-isparatura, iżda ma rax din il-karozza. Skont l-avukat, ix-xhieda ta’ din il-koppja twaqqa’ dak kollu li qal Vince Muscat. “Ma nagħmlux mod, dak li hu tiegħek Vince, trid tagħtih lilna hux?” staqsa l-Avukat Psaila.

L-Avukat Psaila skredita wkoll l-investigazzjoni tal-Pulizija anke fuq dak li ssemma dwar l-Eks Ministru Chris Cardona, li kellu jmur hu biex jikklerja ismu wara li ssemma minn Vince Muscat. Dr. Psaila qal li Muscat kien ix-xhud prinċipali minn naħa tal-prosekuzzjoni li hija problema kbira u dan mhux il-mod kif wieħed jirrispetta l-ġustizzja. Il-fatt li ma weġibx għal iktar minn 200 domanda hija gravi.

“Din hija problema u problema kbira. Li jagħżel li ma jweġibx, ma jiftakarx jew staqsu lil Arnaud huwa l-persuna li fuqu rridu niddeċiedu l-ħajjiet tan-nies. Il-ġustizzja trid issir. Muscat ried miljun ewro premju u l-proklama. Dak kien it-tir tiegħu. Araw inthom sinjuri ġurati jekk huwiex kredibbli li lanqas biss għaraf il-kitba tiegħu stess. Bir-risposti ma jagħtihom qatt”, qal l-Avukat Psaila lill-ġurati.

L-avukat qal li l-Avukat Ġenerali bena l-każ kollu fuq ‘Il-Koħħu”, xhud li ngħata proklama mill-istat li din fiha għadd ta’ kundizzjonijiet li l-istess AĠ baqa’ ma ppreżentax. Qal li l-prosekuzzjoni ħadet lill-partijiet diversi postijiet waqt l-aċċessi – imma minn dan ma ħareġ xejn, l-unika prova li ġabet hija – Vince Muscat,

Tenna li l-verżjoni ta’ Muscat hi ta’ li hi. Kapaċi l-ġurati joqogħdu fuq ix-xhieda tiegħu,? staqsa Psaila. Importanti li l-ġurati jisimgħu r-recordings. Hija deċiżjoni kuraġġuża u ta’ responsabbilità. “Kunu umani. Timsewx il-ħafna domandi li saru u bqajna bla risposti. Ftakru fid-domandi u risposti li ngħatajtu. Din mhijiex kwistjoni ta’ għaġġla. Dak li smajtu hemm barra ma jgħoddx. Il-fatti li nstemgħu fil-ġuri jgħoddu,” qal Dr. Psaila lill-ġurati.

Temm jgħid li kull xaqq ta’ dubju jipponta lejn direzzjoni waħda. Favur l-akkużati. Kulma hemm baħħ u għalhekk għadhom jgħarblu kollox. Sakemm Muscat ingħata l-proklama, il-Pulizija stess baqgħu jinsistu li jrid jgħid il-verità kollha, għax inkella l-proklama taqa’. Għal ħafna mid-domandi ħames snin wara m’għandniex risposta, għax Muscat fil-ġuri ma ftakarx.

Il-Qorti Kriminali infurmat lill-partijiet li minħabba raġunijiet ta’ saħħa l-ġurat kellu jiġi sostitwit. Il-ġurija ta’ disa’ persuni issa huwa magħmul minn ħames irġiel u erba’ nisa. Il-ġurija bdiet b’sitt ġurati supplimentari minflok it-tlieta tas-soltu.  

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.