Ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea jikkonfermaw li l-għoli tal-ħajja f’Malta qed ikompli jirranka. Bir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna tiżboq b’mod sinifikanti r-rata medja tal-pajjiżi taż-żona ewro.
L-aħħar statistika tal-Eurostat turi kif ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna f’Mejju kienet fil-livell ta’ 2.6% li jfisser żieda fuq ir-rata mkejla fl-istess xahar is-sena li għaddiet. Iċ-ċifri juru li l-għoli tal-ħajja f’Malta ilu jiżdied b’mod konsistenti xahar wara xahar mill-bidu ta’ din is-sena.
Agħar minn hekk, ir-rata li biha qed togħla l-ħajja f’pajjiżna hija ferm ogħla mir-rata medja tal-pajjiżi taz-zona ewro fejn f’Mejju 2025 ir-rata medja kienet fil-livell ta’ 1.9%. Waqt li f’Malta r-rata żdiedet, ir-rata medja taz-zona ewro naqset minn 2.2% f’April. Dan ifisser li filwaqt li bħala medja l-għoli tal-ħajja fil-pajjiżi li jużaw l-ewro kompla jonqos, f’Malta qed jiżdied.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo; qal li meta mqabbel mal-Istati Membri l-oħra tal-UE li jużaw l-ewro, hemm numru ta’ pajjiżi li kollha għandhom għoli tal-ħajja ferm inqas minna. Fosthom insibu l-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Portugall, il-Lussemburgu u s-Slovenja. Il-maġġoranza ta’ dawn il-pajjiżi rreġistraw tnaqqis fir-rata tal-għoli tal-ħajja.
Għal darba oħra l-akbar kontributuri għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja jibqgħu l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel u tas-servizzi.
Il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur jinsisti biex il-Gvern jieħu azzjoni quddiem il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, imma Robert Abela u l-Partit Laburista qed jibqgħu jwarrbu s-soluzzjonijiet li qed tressaq l-Oppożizzjoni. Il-Gvern Laburista saħanistra vvota kontra Mozzjoni li ressaq il-PN fil-Parlament biex jindirizza din il-kriżi.
Ix-Shadow Minister qal li ladarba l-Gvern mhux iħoss il-polz tan-nies u qed jinjora s-soluzzjonijiet konkreti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista biex jindirizza d-diffikultajiet li għaddejjin minnhom il-familji Maltin u Għawdxin, irid ikun Gvern ġdid Nazzjonalista li jdaħħal dawn il-miżuri.
Il-Gvern għandu jwarrab il-partiġjaniżmu u jimplimenta l-proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista, u li magħhom jaqbel kulħadd. Il-miżuri li ressaq il-PN biex jindirizza l-għoli tal-ħajja jinkludu li:
- Titneħħa t-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ mill-part-time u mill-overtime;
- Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) ma tibqax taxxabbli;
- Il-Gvern jagħti tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja;
- Jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja;
- Fuq kollox, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li pajjiżna jkollu mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.