Il-Moviment Graffitti qed jappella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrifjuta proposta ta’ żvilupp massiċċ li qed tipproponi li tittrasforma zona kbira ta’ art f’Ta’ Qali f’numru ta’ faċilitajiet kummerċjali. L-applikazzjoni PA/676/22 se tinstema’ mill-Bord tal-Ippjanar nhar il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju fl-10 ta’ filgħodu, u qed tiġi rrakkomandata għar-rifjut mir-rapport tal-uffiċjal tal-każ tal-PA.
Għalkemm il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ta’ Qali jippermetti l-possibbiltà ta’ faċilitajiet relatati mal-isport f’din iz-zona, l-iżvilupp propost huwa kompletament sproporzjonat fid-daqs u jinkludi bosta strutturi maħsuba għal diversi tipi ta’ attività kummerċjali, bħal lukanda ta’ erba’ sulari, ħwienet, u ristoranti. Barra minn hekk, anke l-faċilitajiet sportivi privati proposti huma eċċessivi, u jinkludu pitch sħiħ tar-rugby, u pitch ieħor għat-taħriġ tar-rugby, żewġ grawnds sħaħ tal-futbol, trek għall-isprint, sitt courts tat-tennis, tnax-il court tal-padel tennis, u kumpless sportiv fuq ġewwa.
Huwa ċar li żvilupp daqshekk intensiv — u l-attività li se joħloq — fuq dak li bħalissa huwa spazju miftuħ f’ODZ se jkollu impatt negattiv ħafna fuq il-pajsaġġ viżiv, u se jwassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet ta’ madwar, kif ukoll jagħmel ħsara liz-zoni naturali protetti ta’ ħdejh.
F’pajjiż bħal Malta, fejn l-art hija fost l-iktar riżorsi skarsi u prezzjużi, u fejn l-iżvilupp żejjed huwa wieħed mill-akbar problemi li qed jaffaċċja pajjiżna, proġetti li jikkunsmaw daqshekk spazju aħdar u miftuħ m’għandhom lanqas biss jiġu kkunsidrati.
Il-Moviment Graffitti jappella bis-saħħa lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tissalvagwardja l-kwalità tal-ħajja tagħna u l-ambjent naturali billi tirrifjuta kategorikament din l-applikazzjoni nhar il-Ħamis li ġej.
//= $special ?>