Lokali Parlament

Il-passaġġi pubbliċi fil-kampanja m’għandhomx ikunu okkupati jew magħluqa għall-pubbliku


Albert Buttigieg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-Parlament li l-passaġġi pubbliċi fil-kampanja m’għandhomx ikunu okkupati jew magħluqa għall-pubbliku.

Hu qal li f’dawn l-aħħar snin rajna li Malta – aktar milli hija gżira żgħira – saret aktar urbanizata. Malta saret donnha sit wieħed ta’ kostruzzjoni. Diversi lokalitajiet huma maħnuqa mhux biss bil-bini imma anke b’żieda ta’ popolazzjoni.

Dan qed iwassal biex diversi lokalitajiet qishom nemel fuq xulxin u qed iwassal għal diversi kazijiet ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali. Diversi residenti f’dawn il-lokalitajiet qegħdin iħossu livelli ta’ stress kbir għaliex iħossuhom donnhom qegħdin jifgaw b’dan il-ġenn kollu.

Huwa propju f’dan il-kuntest allura li diversi residenti qegħdin jitolbu li jkun hemm spazji pubbliċi li jkun tassew aċċessibbli għall-pubbliku. Filwaqt li l-Gvern qiegħed permezz ta’ Project Green jgħid li qed joħloq numru ta’ spażji pubbliċi, għal diversi dawn huma biss tokenism u spażji limitati u kosmetiċi.

Diversi residenti jħossu li jkun hemm postijiet li jħossuhom viċin tassew tan-natura u fejn jistgħu huma u l-familja tagħhom jistrieħu minn dan ir-ritmu qawwi tal-ħajja.

Forsi għalhekk madwar 30,000 ċittadin li talbu biex Manoel Island tingħata lura u tkun park nazzjonali.
Hu qal li mill-ewwel ġurnata appoġġja din it-talba u ma beżax joħroġ għonqu, iżda hemm spażji oħra li huma ta’ importanza għal min jixtieq jistrieħ fl-apert. Dawn huma passaġġi pubbliċi fil-kampanja u matul il-kosta. Hemm diversi ostakli li ma jħallux wieħed igawdi u jgħaddi minn numru ta’ passaġġi mhux l-ewwel darba li dawn il-passaġġi jispiċċaw magħluqa b’mod abbużiv b’xatba jew grada.

Diversi drabi jitpoġġew talbelli RTO/Private property meta fir-realtà ma jkunx privat xejn. Hemm ukoll xi wħud iħossu li għandhom xi penz aktar minn ħaddieħor u joħorġux jgħajtu b’mod aggresiv u saħansitra jkesksu l-klieb tagħhom.

Huwa propju f’dan il-kuntest il-ħtieġa li l-Awtorità tagħmel pubbliku dawn il-passaġġi biex b’hekk kulħadd ikun jaf fejn huwa pubbliku u fejn mhuwiex. Filwaqt li art u l-għelieqi privati huma privati u mhux sew li jkun hemm minn jidħol fihom imma fl-istess waqt mhux aċċettabbli li art pubblikka tispiċċa f’idejh oħrajn.

Fin-nuqqas li ma hemm l-ebda lista ta’ dawn il-passaġġi pubbliċi, allura hemm min jabbuża u jagħlaq l-aċċessi. Għaldaqstant nemmen li dawn il-passaġġi għandhom jkunu aċċessibli u numerati mill-Gvern.
B’dawn il-passaġġi aċċessibbli għal kulħadd għandhom mhux biss iservu biex napprezzaw il-ftit kampanja naturali li baqlna imma anke li nitgħallmu l-wirt storiku ta’ pajjiżna. Hija ironika li filwaqt li l-Gvern ħareġ l-istrateġija fuq obeżità – problema serja fostna u fost it-tfal tagħna – l-istess Gvern jonqos li jagħti aċċess liberu li tant passaġġi li għandha.

Hu qal li li l-passaġġi mhux biss fil-kampanja hemm imma anke madwar il-kosta kollha. Hemm diversi encroachments u konċessjonijiet li suppost jibqa’ jkun hemm passaġġ matul il-kosta kollha imma mhux l-ewwel darba jispiċċaw imblukkati.

Il-PL tela’ bl-għajta ta’ Malta tagħna lkoll. Bħal diversi buzzwords li kellu – mertikokrazija, kontabiltà u zero tolerance għall-korruzzjoni – dawn kienu kliem fieragħ u bżar fl-għajnejn. Ikoll nafu li Malta mhijiex tagħna lkoll imma Malta saret ta’ xi wħud li jħossuhom aktar speċjali minn oħrajn. In-nuqqas ta’ aċċessibbiltà ta’ passaġġi pubbliċi u spazji pubbliċi maħtufa minn xi wħud juri biċ-ċar dan. Il-kampanja hija tagħna lkoll, sostna Albert Buttigieg.