“Il-persentaġġ ta’ tfal li huma fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali huwa wisq għoli”.
Dan intqal mill-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent, fejn semma’ kif dan il-persentaġġ, li ġie ppubblikat mill-Eurostat, jinsab fil-livell ta’ 25.9% – l-għola persentaġġ mill-2017, fejn dan kien fil-livell ta’ ‘l fuq minn 27%.
Ċifri li huma ogħla mil-livell medju tal-Unjoni Ewropea.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħabbar li 24.1% tal-persuni taħt it-18-il sena jinsabu f’din il-kategorija. Apparti minn hekk, l-editorjal fakkar li suppost pajjiżna għaddej minn perjodu fejn l-ekonomija qed tikber, iżda dawn l-istatistiċi qegħdin juru numri allarmanti mmens. Bil-ġurnal jgħid li hemm bżonn iżjed studji minn naħa tal-gvern.
Issemma’ anke kif f’Malta hawn l-inqas rata ta’ fertilita fl-Unjoni Ewropea, u li dan huwa possibilment kawża tal-pressjonijiet finanzjarji.
U minkejja li l-Prim Ministru qed jiftaħar li l-ekonomija ta’ Malta sejra tajjeb, dan is-sentiment żgur mhux jinħass minn kulħadd… għaliex jekk dan hu veru, kieku m’hemmx daqshekk tfal li qegħdin fir-riskju tal-faqar.
L-editorjal temm billi stqarr li l-Gvern għandu jikkonsidra s-sitwazzjoni tal-faqar meta jagħmel miżuri ġodda… hekk kif dak li qed isir bħalissa mhuwiex biżżejjed biex verament jgħin lil dawk fil-bżonn.