Inter u Simone Inzaghi, bi qbil ftehmu li l-kowċ Taljan se jkun qed iħalli l-club wara l-umiljazjoni tat-tim fil-finali tal-UEFA Champions League kontra PSG. Il-kowċ ta’ 49 sena, li ssieħeb lill-club fl-2021, mistenni jissieħeb lil Al Hilal.
Fi stqarrija, Inzaghi qal li wasal iż-żmien li jħalli l-club wara erba’ snin mill-isbaħ, fejn ta kollox għall-club. Hu rebaħ sitt tazzi man-nerazzuri, fosthom darba s-Serie A, żewġ tazzi Coppa Italia u tliet tazzi tas-Supercoppa.
Inzaghi żied jirringrazzja lill-miljuni ta’ partitarji nerazzuri li għixu l-emozzjonijiet kollha li jġib il-futbol miegħu, fosthom iċ-ċelebrazzjonijiet tas-sitt titli li rebħu flimkien. Hu stqarr li qatt ma hu se jinsa s-sapport tagħhom.
It-tħabbira li Inzaghi se jħalli l-club ġiet wara laqgħa bejn Inzaghi u d-diriġenti ta’ Inter matul il-jum tat-Tlieta. Fi stqarrija, il-President ta’ Inter Giuseppe Marotta żied jirringrazzzja lil Inzaghi tax-xogħol siewi li għamel, tal-passjoni u tas-sinċerità tiegħu matul iż-żmien li għamel fit-tmexxija tat-tim.
Inzaghi wassal lil Inter għall-finali tal-UEFA Champions League darbtejn, fejn kienu megħluba 1-0 minn Manchester City fl-2022/23 kif ukoll fit-telfa ta’ 5-0 kontra PSG ta’ nhar is-Sibt li għadda. Dan l-istaġun Inter naqqsu wkoll milli jirbħu l-Kampjonat għal punt, meta fl-aħħar partita tal-istaġun kienu Napoli li rebħu t-titlu.
//= $special ?>