Il-Kremlin irid li l-Ukreni jirtiraw komplatament it-turppi tagħhom sabiex ikun jista’ jiġi negozjat ftehim għal waqfien mill-ġlied.
Dan ħareġ ċar waqt il-laqgħat li saru lbieraħ f’Istanbul bejn ir-rappreżentanti Russi u d-delegazzjoni minn Kiev – laqgħat li essenzjalment, baqgħu ma wasslu għall-ebda żblokk.
L-uniku qbil kien fuq il-katavri ta’ 6,000 suldat li nqatlu fil-ġlied; li dawn se jiġu ritornati. L-Ukrajna għaddiet lista ta’ 400 tifel u tifla li nħatfu mir-Russi – iżda d-delegazzjoni mibgħuta minn Vladimir Putin qablet biss fuq 10 ismijiet li se tibda l-ħidma sabiex jiġu ritornati.
Skont ir-Russi, biex jieqaf il-ġlied iridu li s-suldati Ukreni jirtiraw minn erba’ reġjuni partikolari fl-Ukrajna stess. Jew inkella, jirrifjutaw kull sostenn ta’ għajnuna militari li ġejja minn barra.
Zelensky minn naħa tiegħu mhux se jċedi, u qed jappella lill-Istati Uniti sabiex jiġu imposti aktar sanzjonijiet fuq Putin u l-gvern Russu.
Fl-istess waqt, Donald Trump xorta huwa dispost li jlaqqa’ flimkien lil Zelensky mal-President Russu. Din il-laqgħa possibbilment issir f’Istanbul stess – għaliex l-istedina tal-President Tork għadha valida, bil-għan li jsiru taħditiet bejn it-tliet mexxejja.
//= $special ?>