F’temp ta’ 5 snin telqu minn pajjiżna 20,156 żagħżugħ u żagħżugħa. Dan saħqu l-Ministru Clyde Caruana fil-Parlament, permezz ta’ ċifri pprovduti mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Iżda l-Gvern qed jgħid li din iċ-ċifra tinkludi anke persuni barranin; jiġifieri li ġejjin mill-Unjoni Ewropea. U fl-istess waqt ftaħar li ġew lura, jew aħjar daħlu f’pajjiżna, ‘il fuq minn 54,000 żagħżugħ u żagħżugħa; għalkemm naqas milli jgħid li anke dan l-ammont ikopri barranin li ġejjin mill-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant, it-Tnejn waranofsinhar Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, kemm verament telqu u ġew lura żgħażagħ Maltin – b’Azzopardi Tanti, bl-aktar mod ċar, ma kellux idea taċ-ċifri u n-numri.
Minflok, id-Deputat Laburista u Membru fil-Kabinett ta’ Abela nfexx f’attakk partiġjan – jipprova jaħrab minn domanda li teħtieġ risposta u trasparenza.
Huwa ċar iswed fuq l-abjad li mill-2019 sal-2023 telqu minn Malta ‘l fuq minn 20,000 żagħżugħ u żagħżugħa; madanakollu s-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ m’għandux idea x’għamlu ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.